JEDDIJIET TAS-SELF PUBBLIKU (PLR) – REMUNERAZZJONI GĦAL SELF TA’ KOTBA MIL-LIBRERIJI PUBBLIĊI F’MALTA U GĦAWDEX U MIL-LIBRERIJA TAL-UNIVERSITÀ TA’ MALTA

Fl-2014 il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb introduċa skema ta’ remunerazzjoni li minnha jibbenefikaw awturi li l-kotba tagħhom jissellfu mil-libreriji pubbliċi ta’ Malta u Għawdex, amministrati minn Malta Libraries. Fl-2021 din l-iskema ġiet estiża biex issa tinkludi wkoll awturi li l-kotba tagħhom jissellfu mil-Librerija tal-Università ta’ Malta. Dawk li jkunu rreġistrati fl-iskema tal-Jeddijiet tas-Self Pubbliku jitħallsu kull darba li l-ktieb/kotba tagħhom jissellfu mil-libreriji.

Dawn iż-żewġ skemi (Malta Libraries u l-Università ta’ Malta) japplikaw ukoll għal:

i) ko-awturi ta’ pubblikazzjoni.*

ii) illustraturi u fotografi responsabbli għal 50% jew aktar tal-kontenut tal-pubblikazzjoni (ġeneralment f’każi ta’ kotba għat-tfal fejn l-illustrazzjonijiet għandhom irwol essenzjali daqs il-kitba).*

iii) edituri responsabbli li jdommu diversi kontribuzzjonijiet minn awturi differenti f’pubblikazzjoni waħda. **

* F’każ fejn ktieb għandu żewġ awturi jew aktar – kemm jekk huma ko-awturi, illustraturi jew fotografi – il-pagament jinqasam ugwalment bejniethom kollha.

** F’każ fejn l-editur huwa responsabbli li jgħaqqad diversi kontribuzzjonijiet minn awturi differenti f’pubblikazzjoni waħda, il-pagament jingħata lill-editur.

Importanti li kull pubblikazzjoni li titniżżel fl-applikazzjoni:

i)  tkun irreġistrata b’ISBN maħruġ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

ii) tkun konformi mal-liġi tad-depożitu legali li tirrikjedi li żewġ kopji ta’ kull pubblikazzjoni għandhom ikunu diġà ddepożitati l-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta.

Kif tapplika

Awtur/Traduttur/Editur jew Ko-Awtur/Fotografu/Illustratur jista’ japplika sabiex jidħol f’waħda jew fiż-żewg skemi (Malta Libraries u l-Librerija tal-Università ta’ Malta) billi jibgħat kopja tal-formola tal-applikazzjoni oriġinali u ffirmata lis-Segretarju tal-KNK, Joe Debattista, fuq l-indirizz t’hawn taħt. Mal-applikazzjoni trid tinthemeż biblijografija ddettaljata ta’ pubblikazzjonijiet li tispeċifika a) It-titlu tal-Pubblikazzjoni, b) Isem u Kunjom, ċ) L-Irwol fil-Pubblikazzjoni, u d) l-ISBN.

Indirizz:

Applikazzjoni PLR

Is-Segretarju,

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Librerija Ċentrali Pubblika

Triq Prof. Joseph J. Mangion

Il-Furjana, FRN 1800

Remunerazzjoni għas-self ta’ kotba minn Libreriji Pubbliċi ta’ Malta u Għawdex, inklużi l-fergħat u dawk reġjonali, toħroġ kull 3 xhur skond statistika tas-self fuq il-kotba kollha kif miġbura minn Malta Libraries. Il-fondi allokati għal kull perjodu huma maqsuma perċentwalment skond l-istess statistika u l-pagamenti joħorġu f’ċekkijiet mibgħutha lill-applikanti bil-posta. Għalhekk huwa importanti li meta tapplika biex tidħol fl-iskema tipprovdi n-numru IBAN tal-kont bankarju tiegħek.

L-ewwel pagamenti għal self mill-Università ta’ Malta joħorġu ladarba l-KNK jirċievi lista komprensiva ta’ awturi/illustraturi/fotografi ta’ kotba li jissellfu mil-Librerija tal-Università ta’ Malta.

Ikkuntattjana

Biex tavża lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb b’xi bdil fl-applikazzjonijiet diġa sottomessi, huwa neċessarju li l-applikant jimla l-formola mill-ġdid u jibgħatha ffirmata u bil-posta fuq l-indirizz provdut aktar ‘il fuq. L-applikant jirċievi konferma u rċevuta għall-applikazzjoni tiegħu b’email.

Għal aktar informazzjoni tista’ tkellimna wkoll bit-telefown fuq +356 21222654.

Dokumenti

Jeddijiet tas-Self Pubbliku – FORMOLA TA’ APPLIKAZZJONI

Dawk l-awturi, tradutturi, edituri, illustraturi, u fotografi li diġà qegħdin fl-iskema tal-PLR tal-Malta Libraries u jixtiequ jkunu inklużi wkoll fil-PLR tal-Librerija tal-Università ta’ Malta m’għandhomx għalfejn jimlew l-applikazzjoni mill-ġdid, iżda għandhom jinfurmaw lil Michael Mercieca ([email protected]) permezz ta’ email.