Home / Il-Fond Malti tal-Ktieb
Il-Fond Malti tal-Ktieb joħroġ kull sena għal kategoriji differenti ta’ sottomissjonijiet eliġibbli li jkunu għadhom f’fażi ta’ proġett. Mindu twaqqaf fl-2015 il-Fond baqa’ jkollu rwol importanti fit-tkabbir kulturali tal-industrija lokali tal-kotba, billi jwieżen finanzjarjament lill-pubblikaturi u l-awturi sabiex jippubblikaw xogħolhom.
Il-fond allokat għall-2026 huwa €159,000, mifrux fuq is-seba’ fergħat li ġejjin:
Kull proġett rebbieħ jista’ jingħata sa 100% tal-ispejjeż mitluba, iżda kull kategorija għandha massimu ta’ kemm kull proġett jista’ jingħata fondi, li huma hekk;
L-għotjiet jingħataw wara proċess kompetittiv tal-applikazzjoni mħaresd minn bord indipendenti tal-aġġudikazzjoni, li mbagħad jara kif l-aħjar jitqassmu l-fondi skont il-proġetti preżentati sabiex isir l-aħjar użu tagħhom.
Is-sottomissjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb 2026 miftuħin bejn is-17 ta’ Marzu u d-19 ta’ Mejju. Ir-riżultati jitħabbru fis-17 ta’ Lulju.
Dil-fergħa twieżen proġetti ta’ pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet oriġinali ta’ finzjoni, fosthom rumanzi, poeżiji, drama, u rumanzi grafiċi, kif ukoll letteratura mhux fittizja bħal bijografiji. Xogħol akkademiku bħal monografiji, ġabriet editjati u edizzjonijiet kritiċi eliġibbli wkoll.
Aktar informazzjoni fil-linji-gwida.
Dil-fergħa twieżen il-pubblikazzjoni ta’ edizzjonijiet ġodda ta’ kotba li ma jkunux fl-istampa.
L-għan hu li jimtela n-nuqqas li jeżisti bejn il-ħtieġa li jibqgħu jinqraw il-klassiċi Maltin u kotba oħra li jiffurmaw parti mill-kanonu letterarju Malti, u n-nuqqas ta’ disponibbiltà tagħhom fil-ħwienet tal-kotba.
Dil-fergħa twieżen il-pubblikazzjoni ta’ kotba diġitali (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u b’ISBN Malti) – li jinkludu a) kotba ġodda ppubblikati mill-ewwel diġitalment u/jew b) kotba li qabel kienu stampati u li jinqalbu għad-diġitali.
Dil-fergħa twieżen il-pubblikazzjoni ta’ kotba f’format ta’ awdjo (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż u b’ISBN Malti), li jinkludu kotba ppubblikati mill-ewwel f’format tal-awdjo, jew kotba li qabel kienu stampati u li jinqalbu għall-awdjo.
Dil-fergħa twieżen proġetti ta’ traduzzjoni ta’ letteratura Maltija fi kwalunkwe lingwa oħra.
Dan jinkludi wkoll antoloġiji ta’ xogħol oriġinali fittizju jew mhux fittizju minn awtur jew awturi Maltin, kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ xogħol bil-Malti lejn l-Ingliż.
Dil-fergħa twieżen proġetti ta’ traduzzjoni ta’ xogħlijiet letterarji jew akkademiċi internazzjonali lejn il-lingwa Maltija.
IL-PROĊESS TAL-APPLIKAZZJONI
L-applikazzjonijiiet għall-Fond Malti tal-Ktieb jittellgħu online.
Aqra bir-reqqa l-linji-gwida u r-regolamenti tal-fergħa li se tapplika għaliha qabel iddaħħal il-proġett tiegħek, sabiex tkun ċert li żżomm mal-kriterji tal-eliġibbiltà u l-proċess tal-evalwazzjoni. Tista’ tniżżel id-Dikjarazzjoni tal-Għajnuna Statali De Minimis u taċċessa bħala referenza r-Rendikont Baġitarju fis-sezzjoni tal-materjal importanti.
Ara li jkollok ippreparati d-dokumenti mandatorji – kif ukoll dawk mhux mandatorji imma li jsaħħu l-applikazzjoni tiegħek – sabiex ittellagħhom fis-sistema tal-applikazzjoni online.
Agħfas fuq il-buttuna “APPLIKA ISSA” fuq il-lemin in-naħa ta’ fuq ta’ dil-paġna.
Jekk issib xi diffikultà ċempel l-uffiċċju tagħna fuq +356 27131574 jew ibgħat email lil Matthew Borg fuq matthew.borg@ktieb.org.mt
Meta tapplika tirċievi notifika b’email li kollox sew.
Tista’ teditja l-applikazzjoni tiegħek wara li tkun daħaltha. Biex tagħmel dan, trid tibagħtilna talba għall-editjar mill-portal. Erġa’ lloggja bil-kont tiegħek tas-Submittable, mur fuq l-applikazzjoni, u agħfas ‘Edit’. Talbiet simili jibqgħu jiġu aċċettati sal-għeluq tas-sottomissjonijiet.
Il-lista tal-proġetti li jingħataw il-fondi tkun ippubblikata tmien ġimgħat wara l-għeluq tas-sottomissjonijiet.
Jekk il-proġett tiegħek jingħata l-fondi, 50% tal-ammont jingħadda meta tiffirma l-kuntratt tal-benefiċjarji.
Meta tlesti l-proġett, il-50% l-oħra jgħaddu għandek wara li tissottometti żewġ kopji stampati tal-ktieb, ir-rapport finali u r-rendikont baġitarju finali, li jridu jiġu approvati mill-KNK.
Jekk għandek xi diffikultà jew trid tikkonsulta magħna dwar il-Fond, ibgħat email lil Matthew Borg fuq matthew.borg@ktieb.org.mt jew ċemplilna fuq 356 27131574 bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mid-9am sal-4pm.