
Wara l-bosta kontribuzzjonijiet riċenti ta’ awturi u artisti lokali, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qiegħed jiddedika serata lil-letteratura u l-mużika ta’ protesta waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2020. Stedinna numru ta’ kittieba u mużiċisti stabbiliti u oħrajn ġodda biex jipparteċipaw f’diskussjoni informali nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu fil-5pm dwar il-protesta u l-arti, imbagħad wara, fis-6.45pm, ikun hemm Palk Ħieles li fih dawn l-artisti jkunu jistgħu jesprimu l-arti tagħhom. Magħhom ikun hemm Mark Doty, il-poeta Amerikan rebbieħ ta’ għadd ta’ premji letterarji prestiġjużi fosthom il-Premju T.S. Eliot u l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tal-Istati Uniti, li se jingħaqad mal-bqija biex jaqra minn xogħlijietu.
Il-letteratura ta’ protesta ngħatat titli varji tul iż-żminijiet. F’waqtiet hija xokkanti, tfittex li tħeġġeġ l-emptaija, jew tkun forma skjetta ta’ attiviżmu. Madankollu dawn kollha jfittxu finalment li jagħrfu l-ħtieġa għall-bidla u l-letteratura ta’ protesta tilħaq lill-poplu biex twassal il-valuri tagħha bħala gwida, inkella billi toffri lilha nnifisha bħala mera tas-soċjetà. Il-forom varji tal-espressjoni ta’ protesta f’Malta fl-aħħar xhur se jkunu diskussi waqt l-avveniment ‘L-Arti tal-Protesta’, immoderat minn Jean Paul Borg u bil-parteċipazzjoni ta’ Immanuel Mifsud, Antoine Cassar, Adrian Grima, Wayne Flask, Nadia Mifsud Mutschler, Mario Vella, Alex Vella Gregory, u Noah Fabri.
Il-Palk Ħieles se jerġa’ jkun organizzat b’ħidma ma’ Inizjamed. Dan l-avveniment se jkun qed iġorr l-istess titlu tad-diskussjoni li tkun seħħet ftit qabel, u huwa miftuħ għal kull min irid jiġi u jeżebixxi l-forma artistika tiegħu, sija qari ta’ poeżija, proża jew kant. Il-pubbliku mħeġġeġ jattendi biex jisma’ x’għandhom xi jgħidu l-mistiedna msemmija diġà u oħrajn li jinkitbu dak il-ħin.
Il-parteċipanti tad-diskussjoni:
Nadia Mifsud Mutschler ippubblikat żewġ ġabriet ta’ poeżija: żugraga (2009) u kantuniera ’l bogħod, li rebħet biha l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2016. Nadia rebħet ukoll tliet darbiet il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija organizzat mill-KNK. L-ewwwl rumanz tagħha, Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa ġie ppubblikat fl-2017, u bosta min-novelli tagħha ġew ippubblikati f’antoloġiji f’Malta u lilhinn. It-traduzzjoni tagħha tar-rumanz ta’ Immanuel Mifsud Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) għall-Franċiż ġiet ippubblikata minn Gallimard fi Franza fl-2016.
Wayne Flask huwa membru tal-Moviment Graffitti. Iddebutta bit-teatru b’Sibna ż-Żejt (2015), dramm satiriku għal Staġun Teatru Malti, dirett minn Sean Buhagiar. Ir-rumanz tiegħu Kapitali (Merlin Publishers), b’vena satirika dwar il-qagħda duwalistika tal-politika f’Malta, ġie ppubblikat fl-2017.
Immanuel Mifsud huwa l-awtur ta’ għadd ta’ ġabriet ta’ novelli, rumanzi u poeżiji. Rebaħ il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura bil-ktieb Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben), li diġà nqaleb fi tmien lingwi. L-aktar pubblikazzjoni riċenti tiegħu, L-Aqwa Żmien (Klabb Kotba Maltin, 2019), hija ġabra ta’ novelli li jitfgħu il-bozza fuq dawk in-nies li s-soċjetà kontemporanja nsiet.
Antoine Cassar huwa poeta u traduttur Malti, magħruf għall-poeżija twila ktieb tiegħu Erbgħin Jum (EDE Books, 2017) u l-Passaport (2009, 2020). Erbgħin Jum tittratta kif wieħed jista’ jegħleb trawma bis-saħħa tal-mixi, rebbħet lil Cassar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2018 u għamlitha mal-finalisti għall-Gdansk European Poet of Freedom Award 2020. Passaport, poeżija twila f’forma ta’ antipassaport, ġiet ippubblikata fi ħdax-il lingwa.
Adrian Grima huwa poeta u lettur tal-Letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta, fejn jikkordina wkoll il-proġett ta’ riċerka ‘It-Tradizzjoni Orali’. Ippreżenta xogħlijietu waqt konferenzi varji u l-poeżiji tiegħu dehret f’antoloġiji madwar l-Ewropa. Fl-2019 ħadem mal-mużiċist tal-jazz Domnic Galea fuq il-ġabra ta’ poeżiji Skizzi għas-Sette Giugno. Huwa wkoll l-editur ġenerali tas-Sensiela Juann Mamo, ippubblikata minn SKS fl-2013.
Mario Vella huwa l-kantant u l-kittieb tal-mużika tal-Brikkuni. L-ewwel album tagħhom Kuntrabanda (2008) witta t-triq għal qawmien mill-ġdid u viji ġodda għall-mużika bl-ilsien Malti. Verżjonijiet ta’ xi biċċiet mil-lirika tal-mużika tal-Brikkuni ġew ippubblikati bħala poeżija fl-antoloġija Ħbula Stirati (2007). It-titlu tad-diskussjoni, “Ma rridx ngħix Dubaj, wisq anqas Singapor” fil-fatt huwa vers mid-diska tal-Brikkuni ‘Alla lliberani’, maħruġa f’Novembru tal-2019.
Alex Vella Gregory għandu Dottorat fil-Kompożizzjoni tal-Mużika mill-Università ta’ Edinburgh Napier. Huwa kompożitur, pjanist u għalliem li x-xogħol tiegħu indaqq f’bosta mkejjen f’Malta u barra, fosthom Edinburgh, Vjenna, l-Italja u Washington DC. Huwa wkoll id-Direttur Artistiku u membru minn tal-bidu tal-kor Cappella Sanctae Catharinae. Vella Gregory magħruf ukoll għall-att cabaret satiriku tiegħu mtella’ mill-alter ego Ċikku l-Poplu.
Noah Fabri huwa mużiċist folk esperimentali u membru tal-Moviment Graffitti. Ħareġ tliet albums fuq il-paġna Bandcamp tiegħu fl-aħħar sentejn. L-aktar album riċenti tiegħu, Karmaġenn, huwa peoġett multidixxiplinarju u kollaborattiv dwar l-istorja ta’ grupp ta’ żgħażagħ fil-Kulleġġ Ġan Franġisk Abela huma u jidħlu f’fażi oħra tal-ħajja. L-album ħareġ f’Diċembru tal-2019.
Għal aktar dettalji dwar l-attivitajiet imsemmija hawn u l-bqija tal-programm żur is-sit tal-KNK biex tniżżel il-programm jew il-paġna tal-FB tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Il-ħinijiet tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus: l-Erbgħa 25 u l-Ħamis 26 mid-9am sal-4pm u l-Ġimgħa 27 ta’ Marzu mid-9am sa filgħaxija.
Għal aktar informazzjoni iktbu lil Matthew Borg ([email protected] mill-KNK, lil Romario Sciberras [email protected] mill-Għaqda tal-Malti – Università, lil Matthew Cilia [email protected] mid-DESA.
- Pospost il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2020
- L-Arti tal-Protesta waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus
- Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2020: Il-Programm
- Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2020 - titħabbar id-data u l-mistednin speċjali
- Jitħabbar ir-riżultat tal-Fond għall-Adattament Ċinematografiku tal-KNK
- Kotba biss kotba spiss: l-attivitajiet letterarji waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2019
- Fuzzhoneys u Crytpic Street għall-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2018
- Frankenstein fil-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2018
- Palk Ħieles tal-Inizjamed waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2018
- Il-mużika folk sperimentali ta’ Noah Fabri fil-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2018
- It-temi taboo diskussi waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2018
- Taħdita fuq Ċiklemfusa u l-ħrejjef fil-Fesitval tal-Ktieb fuq il-Kampus 2018
- Mill-karta għall-ktieb – L-arti tal-legatorija waqt il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2018
- Taħdita dwar William Blake u l-arti tal-istampar fil-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2018
- Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2018: Il-Programm
- Imħejji l-Festival tal-Ktieb Fuq il-Kampus 2018
- Ħarsa lejn il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus: Tmiem
- Ħarsa lejn il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus: It-Tieni Jum
- Ħarsa lejn il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus: L-ewwel jum
- Ħareġ il-Programm tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2017
- Caroline Smailes fil-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2017
- Imħejji l-Festival tal-Ktieb Fuq il-Kampus
- Ftakar dawn id-dati! Festival tal-Ktieb
- Jispiċċa l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2016
- Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus // 5-6-7 April
- Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus - 5-6-7 ta' Mejju, 2015
- Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2014