Home / News / Sejħa għal Novelli dwar il-Belt Valletta għas-sensiela Reading the City ta’ Comma Press
Sejħa għal Novelli dwar il-Belt Valletta għas-sensiela Reading the City ta’ Comma Press


Il-pubblikatur mir-Renju Unit Comma Press, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, qed ifittex novelli jew stejjer qosra minn Malta dwar il-Belt Valletta biex ikunu ppubblikati f’antoloġija bl-isem ta’ The Book of Valletta.
Il-ġabra tifforma parti mis-sensiela ta’ Comma Press, ‘Reading the City’, u kull ħarġa jkollha 10 stejjer minn 10 awturi differenti dwar il-belt inkwistjoni. Kull storja għandha tesponi dawk il-pinzellati diversi u kunfliġġenti li jikkaratterizzaw belt, tesplora l-inħawi u l-imkejjen distinti tagħha, tfannad fis-saffi storiċi differenti, u titfa’ taħt il-lenti s-sottokulturi u s-sigrieti magħrufa li jagħtuha l-ħajja.
Comma qed ifittxu stejjer li ‘iqumu u jorqdu’ l-Belt Valletta, stejjer li jistgħu jinkitbu dwar il-Belt biss. Dawn jistgħu jinkitbu bi sfond storiku, inkella dwar xi triq partikulari, naħa mill-Belt jew post famuż li jservu bħala għodda għal storja li żżommok. L-istorja għandha tesplora affarijiet li l-Beltin huma familjari magħhom, iżda li xi ħadd li mhuwiex minn hemm, jew saħansitra mhuwiex Malti, ma jkunx konxju tagħhom. Iżda l-aktar importanti hu li n-novelli jew stejjer qosra jkunu joqogħdu waħedhom bħala xogħol ta’ narrattiva fittizja, u mhux sempliċiment gwida għat-turisti li jridu jżuru lill-Belt.
Linjigwida għas-Sottomissjonijiet
Ix-xogħol irid jintbagħat bħala Word jew PDF b’email lil George (Uffiċjali tal-Pubbliċità u l-Marketing ma’ Comma Press) fuq commapublishing@yahoo.com sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2025.
It-titlu tal-email irid ikun ‘Book of Valletta Submission’, inkella l-email malajr tintilef. Aqra bir-reqqa r-regoli hawn taħt. Kull sottomissjoni:
- Trid tkun ix-xogħol oriġinali u fittizju tiegħek
- Ma tridx tkun diġà ġiet ippubblikata bl-Ingliż xi mkien ieħor
- Trid tkun twila bejn 2,000 u 6,000 kelma
- Tista’ tkun ta’ liema ġeneru trid
- Trid tkun ħielsa minn kontenut libelluż, midgħi, jew materjal li d-drittijiet ma jkunux tiegħek
- Trid tkun ħielsa minn simboli, emojis jew xi format ta’ test ieħor mhux konvenzjonali
- Tista’ tkun miktuba bil-Malti jew bl-Ingliż
Dawn li ġejjin mhumiex eliġibbli:
- Stejjer b’elementi frivoli, sempliċi, bla plot jew mingħajr kunflitt
- Awtobijografiji jew tifkiriet meditattivi
- Poeżiji
- Rappurtaġġ jew letteratura mhux fittizja
- Kapitli jew siltiet minn xogħol itwal
- Ġrajjiet li jistgħu jseħħu f’kull belt oħra
It-Traduzzjoni
Jekk l-istorja tkun bil-Malti, l-awturi mħeġġa jissottomettu wkoll sa tliet ismijiet ta’ tradutturi tal-għażla tagħhom. Comma Press ma jwegħdukx li jekk tirbaħ l-istorja tiegħek se jintgħażel bilfors it-traduttur li semmejt inti biex jaqlibha għall-Ingliż, iżda l-preferenzi tiegħek jieħdu nota tagħhom.
Ħlasijiet u Drittijiet
Jekk tintgħażel l-istorja tiegħek għall-pubblikazzjoni, tirċievi ħlas ta’ darba ta’ £100. Id-drittijiet tax-xogħol oriġinali jibqgħu mal-awtur, filwaqt li d-drittijiet tax-xogħol tradott fl-Ingliż ikunu tat-traduttur. Kull dritt ieħor ikun ta’ Comma Press.
L-awturi kollha mistiedna jaħtfu din l-opportunità biex xogħolhom ikun esebit fuq pjattaforma internazzjonali li se tieħu lill-qarrejja fi vjaġġ profond fl-istramberiji u t-tentufiet tal-Belt Kapitali storika tagħna!
Għal aktar informazzjoni aqra s-sejħa ta’ Comma Press minn hawnhekk.