Skip to content

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Iniedi l-Filmat Promozzjonali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Image of Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Iniedi l-Filmat Promozzjonali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir qed jippubblika l-filmat promozzjonali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, li dis-sena se jsir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali.

Il-filmat huwa ispirat mit-tema ta’ dis-sena – Nikteb mill-Ġdid – li tiffoka fuq il-bidla u l-metamorfosi li l-kotba jġibu f’ħajjitna, u b’mod ferrieħi, fuq tiegħu u spirituż iħares lejn fażijiet differenti tal-kreazzjoni letterarja – mill-ewwel emozzjonijiet sa meta l-awtur iħossu mweħħel, biex imbagħad finalment jilħaq il-qofol fl-eċitament tal-ispirazzjoni.

“Hekk kif kulma jmur il-Festival joqrob, ħerqanin sabiex niftħu l-bibien tagħna lill-pubbliku biex iżuruna u jgawdu programm ta’ attivitajiet b’xejn mifrux fuq ħamest ijiem”, irrimarka l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri.

“It-trasformazzjoni pożittiva hija l-lehma ta’ dis-sena, filwaqt li s-slogan Nikteb mill-Ġdid tana direzzjoni ġdida u kuraġġuża. Fil-fatt, għall-ewwel darba kemm ilna nagħmluhom, it-trailer inħadem b’nies veri mhux animazzjonijiet”, qal Camilleri dwar il-filmat, li sar minn Rupture Studio b’mużika tal-mużiċist lokali akklamat Michael Azzopardi.

“Konna ffurtunati naħdmu ma’ wħud mill-aħjar artisti, illustraturi, u mużiċisti mill-aħjar fis-snin imgħoddija meta ħdimna fuq il-filmati promozzjonali. Il-mixja tagħna għal filmat b’nies veri għandha sservi bħala rifless tal-varjetà u r-rikkezza li għandu l-Festival – elementi li jispiraw, jedukaw u jagħtu pjaċir lill-viżitaturi kollha”, temm jgħid Camilleri.

Il-verżjoni t-twila tal-filmat promozzjonali tista’ taraha fuq il-mezzi soċjali u s-sit tal-KNK, u daqt se toħroġ verżjoni qasira fuq pjattaformi u postijiet oħra.


Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru fl-MFCC, Ta’ Qali. Tista’ tara l-filmat promozzjonali hawnhekk. Għal aktar informazzjoni żur il-paġna tal-Festival hawnhekk. Tista’ anki ssibu fuq il-Facebook tal-Festival jew l-Instagram tal-KNK.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.