Skip to content

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jilqa’ Maniġer ġdida

Image of Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jilqa’ Maniġer ġdida

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir jagħti merħba lil maniġer ġdida fl-istaff tiegħu – Sephora Francalanza. 

Il-ħatra tagħha qiegħda ssir b’rabta ma’ żvilupp ieħor importanti fi ħdan il-KNK. Dan ix-xahar jara t-tluq ta’ Michael Mercieca, maniġer u Uffiċjal tal-ISBN għal snin twal, li laħaq l-età tal-irtirar.

Il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri ħa l-okkażjoni biex irodd ħajr lil Mercieca għas-snin twal ta’ servizz, u fl-istess waqt jilqa’ lil Francalanza ġewwa t-tim tiegħu – din tal-aħħar ħa tingħaqad mal-Kunsill minn din il-ġimgħa.

“Michael kien membru kruċjali tat-tim tagħna, u ilu mal-Kunsill ferm qabel il-ħatra tiegħi bħala Kap Eżekuttiv. Pilastru imprezzabbli b’memorja istituzzjonali kbira, huwa dejjem qeda dmirijietu bi preċiżjoni, integrità u passjoni. Issa li ħa jibda fażi ġdida mill-aktar mistħoqqa f’ħajtu ta’ irtirar kmieni, il-Kunsill isellem kollega għal qalbu li x-xogħol eċċellenti tiegħu bla dubju għen sabiex jifforma l-mod ta’ kif illum naħdmu u mmexxu lilna nfusna bħala istituzzzjoni,” qal Camilleri. 

Huwa żied jgħid ukoll illi Francalanza issa ħa tkun qed tassumi ħafna mid-dmirijiet ta’ Mercieca, li jinkludu l-amministrazzjoni tas-servizzi tal-ISBN u l-ISMN mill-Kunsill, kif ukoll tal-Jeddijiet ta’ SElf Pubbliku (PLR). Francalanza ħa tkun qed tamministra wkoll il-programmi marbuta mar-riċensjonijiet letterarji (kemm dik attwali bil-Malti kif ukoll dawk ġodda bl-Ingliż), kif ukoll numru ta’ responsabbilitajiet ġodda misluta mill-Viżjoni Strateġika fuq Ħames Snin (2025-2030) tal-KNK, imnedija s-sena l-oħra. 

Francalanza mhux wiċċ ġdid fix-xena letterarja lokali u kienet attiva kienet attiva fl-organizzazzjoni ta’ inizjattivi u avvenimenti marbutin mal-Malti matul is-snin tagħha bħala studenta l-Università, permezz tal-irwol tagħha fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Malti – Università għal erba’ snin. Fis-sentejn li qattgħet bħala President tal-Għaqda, hija serviet ta’ Editriċi għal żewġ edizzjonijiet ta’ Leħen il-Malti, il-pubblikazzjoni annwali tal-Għaqda tal-Malti. Hija gradwata b’Baċellerat tal-Arti fil-Malti (Unuri) u b’Maġisteru tal-Arti fl-Istudji tat-Traduzzjoni u t-Terminoloġija, bi speċjalizzazzjoni fit-traduzzjoni letterarja. Hija qarrejja tal-provi kwalifikata, u bħalissa qiegħda twettaq Maġisteru tal-Arti fl-Interpretazzjoni tal-Letteratura Maltija. 

Hija ħadmet ukoll bħala ġurnalista ma’ Newsbook għal tliet snin, u fl-2023, u xogħolha fil-qasam rebbaħha l-Premju għall-Aqwa Użu tal-Lingwa Maltija fil-Ġurnaliżmu Miktub mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM). Fl-2021 marret tgħix il-Lussemburgu, fejn ħadmet bħala traduttriċi mal-Parlament Ewropew. Fl-2025 reġgħet ġiet tgħix Malta, fejn ħadmet mal-Uffiċċju ta’ Kollegament tsal-Parlament Ewropew f’Malta li jirsisti sabiex iqarreb il-ħidma tal-Parlament lejn iċ-ċittadini Maltin. 

Fl-2025, storja li traduċiet ġiet ippubblikata fil-ġabra Rakkonti mill-Bogħod: Stejjer Qosra mill-Użbekistan, antoloġija ta’ stejjer qosra Użbeki tradotti għall-Malti, prodotta b’kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u l-Università Nazzjonali tal-Użbekistan. 

“Eċċitati nilqgħu fostna lil Sephora. L-isfond professjonali tagħha, flimkien mal-fatt li taf sew il-kuntest kulturali tas-settur letterarju, ħa jkun qed jgħinha fil-ħidma tagħha kif ħa tibda vjaġġ ġdid fil-karriera tagħna meta tidħol magħna,” temm jgħid Camilleri. 

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.