Skip to content

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb waqt il-London Book Fair 2026

Image of Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb waqt il-London Book Fair 2026

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) għal darb’oħra jinsab ħerqan li se jipparteċipa waqt il-London Book Fair (LBF) ta’ dis-sena, li se ssir mill-10 sat-12 ta’ Marzu fl-Olympia, Kensington.

Bħala wieħed mill-aħjar avvenimenti tal-pubblikazzjoni li jseħħu b’mod internazzjonali, l-LBF tipprovdi opportunità fejn il-Letteratura Maltija tkun esebita fuq skala globali. Il-preżenza tal-KNK tikkonferma x-xogħol li jsir sabiex jitwieżnu l-awturi, il-pubblikaturi u l-illustraturi lokali fil-mira li dawn isibuha eħfef sabiex jiltaqgħu u jitkellmu ma’ professjonisti mid-dinja kollha.

Kburin li f’dan l-avveniment tant importanti se nkunu qed nesebixxu illustrazzjoni ta’ Naomi Gatt, ikkummissjonata apposta biex tiddisinja l-istand tal-KNK. L-artwork iħaddan l-ispirtu kollaborattiv tal-KNK sabiex tiġi ffaċilitata l-esportazzjoni letterarja, kemm fl-LBF kif ukoll f’fieri internazzjonali oħra li nżuru matul is-sena. Fl-illustrazzjoni l-arti tal-ktieb u l-kliem irabbu l-ġwienaħ u jittajru lejn ixfqa ġodda u artijiet fertili, bħal qisu meta sajjied jifrex ix-xbieki tiegħu biex jilħaq ilmijiet imbegħdin. L-artwork jissimbolizza d-disseminazzjoni tal-Letteratura Maltija oltrè l-fruntieri barranin, fejn il-kreattività u l-iskambju kulturali jaħdmu id f’id biex iwessgħulna l-ottika tagħna.

Gallarija ta’ Letteratura Maltija

Bħala parti mill-inizjattivi tiegħu f’Londra, il-KNK stieden għadd ta’ pubblikaturi biex jissottomettu sa ħames kotba sabiex jiddaħħlu fil-Katalgu tad-Drittijiet ta’ Barra. Dal-katalgu, li jitqassam f’Londra u fieri barranin oħra li nżuru, magħmul apposta biex jiftaħ il-bieb tas-suq globali lill-industrija tal-kotba Maltija. L-awturi kienu mħeġġa jitkellmu mal-pubblikaturi tagħhom sabiex dawn jipparteċipaw sabiex it-tieqa għal barra tkun akbar.

Seminar dwar kif il-Letteraturi mhux daqstant Rappreżentati jgħollu l-Profil tagħhom

Se jittella’ seminar, organizzat mill-KNK, jismu ‘Micro-markets, Major Voices: Strengthening Small Island Publishing’, nhar l-10 ta’ Marzu fin-12:30pm fl-International Stage. Il-kelliema se jiffukaw fuq kif nazzjonijiet gżejjer żgħar bħal Malta sikwit jaffaċċjaw sfidi uniċi hekk kif jippruvaw jagħmlu l-qabża għall-ekosistema tal-pubblikazzjoni globali – ngħidu aħna s-suq domestiku żgħir, l-iskarsezza fir-riżorsi, il-partikularitajiet lingwistiċi, u d-distanza ġeografika minn industriji ewlenin. Minkejja dan, dawn il-mikroswieqi, bħal dak Malti, jibqgħu b’xi mod jipproduċu xogħlijiet letterarji b’vuċijiet b’saħħithom, b’mudelli innovattivi ta’ pubblikazzjoni, u b’riżultati kulturalment distinti li jagħnu, finalment, lid-dinja letterarja kollha. Das-seminar se jlaqqa’ flimkien esperti letterarji minn pajjiżi li bħal Malta jsibuha bi tqila biex isimhom ikun popolari mal-oħrajn, u l-ħsieb hu li d-diskussjoni tesplora dawn ir-realtajiet, imma anki l-opportunitajiet u l-ambizzjonijiet tal-industrija tal-pubblikazzjoni Maltija. B’dil-vuċi minn Malta nimmiraw li ngħollu l-vuċi ta’ min hu bħalna sabiex negħlbu dawn l-intoppi.

L-Inizjattiva ‘Authentic Malta’

B’riżultat tal-ħidma ma’ Visit Malta mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, għat-tieni sena konsekuttiva l-KNK se jippromwovi l-Authentic Malta – inizjattiva li tippożizzjona l-Letteratura Maltija bħala ingranaġġ essenzjali mill-wirt kulturali tagħna, u li se tkun replikata f’fieri internazzjonali oħra li nżuru. Il-Gutenberg Press se jerġgħu jkunu preżenti magħna, u dan isaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta f’dak li għandu x’jaqsam mas-sengħa tal-istampar.

Opportunitajiet għall-Illustraturi Maltin

Bis-saħħa ta’ kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti dis-sena tliet illustraturi – Sarah Galea, Zarifa Dag u Noemi Calisto – se jingħataw sussidju għall-ispejjeż tas-safar, l-akkomodazzjoni u l-biljett tad-dħul għall-fiera. Barra minn hekk, b’mod separat il-KNK stieden illustraturi lokali biex jissottomettu xogħolhom ħalli nesebixxuh fl-istand tagħna (6A34), opportunità ewlenija biex xogħolhom jolqot għajn il-professjonisti tal-industrija li jkunu hemmhekk. Kull xogħol sottomess jidher ukoll fil-katalgu Literature from Malta: Foreign Rights Catalogue 2026.

Inwieżnu lill-Komunità Letterarja Maltija

Il-KNK alloka wkoll 20 biljett, li tqassmu skont min applika l-ewwel inqeda l-ewwel, lill-pubblikaturi, awturi, tradutturi u illustraturi Maltin. Din l-inizjattiva tfittex li tiffaċilita l-opportunitajiet ta’ networking u negozju, li indirettament jippromwovi l-Letteratura Maltija globalment.

Żur l-istand tal-KNK (6A34) waqt il-London Book Fair biex issir taf aktar dwar ir-rikkezzi li ssorr fiha l-Letteratura Maltija. Il-katalgu Literature from Malta – Foreign Rights Catalogue 2026 tista’ taċċessah minn hawn taħt.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.