Skip to content

Ir-rebbieħa tal-Premju Booker Samantha Harvey għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Image of Ir-rebbieħa tal-Premju Booker Samantha Harvey għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Samantha Harvey, rebbieħa tal-Premju Booker is-sena l-oħra bir-rumanz Orbital, tingħaqad ma’ Jeff u Ann Vandermeer bħala l-mistednin speċjali tal-edizzjoni ta’ dis-sena tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – li se jsir bejn il-5 u d-9 ta’ Novembru ċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali.

Harvey se tkun qed tiddjaloga ma’ Loranne Vella waqt avveniment pubbliku l-Ġimgħa 7 ta’ Novembru, li żgur se jattira l-interess tan-nies bħala wieħed mill-aktar attivitajiet ċentrali tal-programm ta’ dis-sena.

Minkejja s-suċċess li ġabilha r-rumanz Orbital bir-rebħ ta’ premju prestiġġjuż li kkonsolida l-pożizzjoni ta’ Harvey bħala waħda mill-aħjar rumanziera ta’ żmienna, xogħol l-awtriċi ilu żmien jiġi apprezzat mill-kritiċi letterarji.

L-ewwel rumanz tagħha, The Wilderness (2009), għadda mal-finalisti għall-Premju Orange għall-Finzjoni, mal-lista t-twila għall-Man Booker Prize, u rebaħ il-Betty Trask Prize, filwaqt li kien akklamat għall-mod dirett ta’ kif ittratta t-telfien tal-memorja u l-identità. All Is Song (2012) tfaħħar għall-approfondiment filosofiku u l-proża eleganti tiegħu, filwaqt li r-rumanz Dear Thief (2014) kien mal-lista t-twila tal-Baileys Women’s Prize għall-Finzjoni, u tqies minn James Woods tan-New Yorker bħala “vjaġġ stramb imma hieni li qatt qabel ma esperjenzajt bħalu”. Fl-2018 The Western Wind kien finalist fil-Premju Walter Scott u mal-lista t-twila tal-International Dublin Literary Award, u l-kritiċi nnutaw l-ambjent medjevali kuraġġuż li ħolqot l-awtriċi kif ukoll l-istruttura narrattiva oriġinali tal-ktieb. Ix-xogħol mhux fittizju ta’ Harvey, The Shapeless Unease (2020), li huwa ġabra ta’ tifkiriet dwar l-insomnja, ġie deskritt mill-awtur Nathan Filer bħala “meditazzjoni profonda dwar il-lingwa, it-telfien, u ż-żmien, u dwar kif nibnu lilna nfusna bl-istejjer”. Harvey tgħallem fil-kors tal-Maġisteru dwar il-Kitba Kreattiva fl-Università ta’ Bath Spa.

“Privileġġ immens għalina li nilqgħu fil-Festival lil Samantha Harvey bħala mistiedna speċjali, l-aktar meta tqis li s-sena l-oħra wkoll kellna rebbieħ frisk tal-Premju Booker”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri, meta kien qed jirreferi għall-awtur Irlandiż Paul Lynch.

“Ix-xogħol fittizju ta’ Harvey ġie dekorat b’diversi premji letterarji u jkopri damma ta’ esperjenzi u intwizzjonijiet umani, u allura kuntenti ferm bil-potenzjal ta’ konverżazzjoni li jaf ikun hemm bejnha u Loranne Vella, li hija waħda mill-aktar rumanziera Maltin inġenjużi u li twessa’ l-konfini tal-ġeneru letterarju”, qal Camilleri.

“B’hekk qed nassiguraw li l-Festival jibqa’ avveniment frisk li jservi bħala pjattaforma fejn il-letteratura tmur lil hinn mill-fruntieri tagħha stess u tinfetaħ għal ispirazzjonijiet ġodda – biex nibqgħu fidili għall-islogan ta’ dis-sena: Nikteb mill-Ġdid”, temm jgħid.Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jseħħ bejn l-Erbgħa 5 u l-Ħadd 9 ta’ Novembru l-MFCC, Ta’ Qali. Samantha Harvey se tkun qed titkellem ma’ Loranne Vella f’attività nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Novembru fis-19:00, u wara jkun hemm sessjoni ta’ ffirmar tal-kotba. Biex tattendi b’xejn, iżda trid tirreġistra mis-Submittable hawnhekk.

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.