Skip to content

POŻIZZJONI TA’ MANAGER MAL-KUNSILL NAZZJONALI TAL-KTIEB: JOBSPLUS PERMIT NUMBER 881/2025

Image of POŻIZZJONI TA’ MANAGER MAL-KUNSILL NAZZJONALI TAL-KTIEB: JOBSPLUS PERMIT NUMBER 881/2025

1. Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jilqa’ applikazzjonijiet għall-kariga ta’ Manager fl-Uffiċċju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

2. Termini u Kundizzjonijiet

2.1 Il-ħatra hija soġġetta għal perjodu ta’ prova ta’ tnax (12) -il xahar.

2.2 Matul il-perjodu ta’ prova, l-appuntati għandhom ilestu b’suċċess programmi organizzati mill-Istitut tas-Servizzi Pubbliċi.

2.3 Is-salarju għall-kariga ta’ Manager huwa fuq Skala ta’ Salarju 7, li fl-2025 jammonta għal €31,732 fis-sena, jiżdied annwalment b’€596 sa massimu ta’ €36,500, esklużi bonusijiet ta’ prestazzjoni, allowances għall-ispejjeż, karozza u komunikazzjoni, li jiffurmaw parti mill-pakkett.

2.4 L-appuntati jkunu intitolati wkoll għal bonus annwali ta’ prestazzjoni sa 10% tas-salarju bażiku, soġġett għal prestazzjoni sodisfaċenti u skont il-politiki tal-entità.

2.5 Ir-riżultat ta’ din is-sejħa jibqa’ validu għal sentejn (2) mid-data tal-pubblikazzjoni.

2.6 Skont Direttiva 16 dwar il-“Qafas Governattiv għall-Prevenzjoni u l-Ġestjoni ta’ Kunflitti ta’ Interess fl-Amministrazzjoni Pubblika”, ippreżentata mis-Segretarju Permanenti Prinċipali fit-27 ta’ Novembru 2023 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2024, il-Bord tal-Għażla jivverifika l-impjiegi preċedenti tal-kandidati biex jidentifika kunflitti ta’ interess potenzjali. Għaldaqstant, il-kandidati għandhom jippreżentaw CV aġġornat bil-kwalifiki u l-istorja tal-impjiegi tagħhom. Kull kunflitt ta’ interess irid jiġi rrappurtat lis-Segretarju Permanenti sabiex, jekk il-kandidat jintgħażel, il-kwistjoni tiġi ġestita b’mod xieraq.

Barra minn hekk, il-kandidati magħżula għandhom ukoll jiddikjaraw kwalunkwe kunflitt ta’ interess magħruf, potenzjali jew apparenti, qabel jaċċettaw il-ħatra, permezz tad-dikjarazzjoni preskritta fl-Appendiċi 1 tad-Direttiva 16.

2.7 Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (NBC) jixtieq ifakkar lill-applikanti interessati kollha li għandu politika ta’ tolleranza żero kontra kull forma ta’ abbuż tat-tfal. Il-KNK jaderixxi mal-Atti S.L. 327.456 (Regolamenti dwar ir-Reklutaġġ u l-Iżvilupp Professjonali Kontinwu tal-Persunal u l-Protezzjoni ta’ Minuri fl-Edukazzjoni Obbligatorja, 2016) fil-proċess ta’ reklutaġġ tiegħu.

3. Dmirijiet

Id-dmirijiet tal-Manager jinkludu:

  1. Il-koordinazzjoni  ta’ proġetti ta’ profil għoli, il-ġestjoni ta’ avvenimenti ewlenin u ż-żamma ta’ relazzjonijiet mal-imsieħba tal-KNK, u l-eżekuzzjoni tal-objettivi strateġiċi;
  2. Il-kontribuzzjoni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-programmi tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għall-perjodu 2025-2030;
  3. L-appoġġ fl-operazzjonijiet tal-KNK bit-twettiq ta’ kompiti ta’ livell għoli kif assenjati, inklużi inizjattivi, programmi, miżuri u skemi ffinanzjati taħt linji ta’ Programmi u Kontribuzzjonijiet Governattivi tal-Entitajiet u/jew kwalunkwe xogħol ieħor assenjat mill-Kap Eżekuttiv;
  4. Il-koordinazzjoni u t-twettiq tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, inkluż ġestjoni ta’ sejħiet għal offerti, RfQs u tenders, loġistika u rapportar finali dwar xi jkun sar, u l-assigurazzjoni li dan jitwettaq b’livelli għoljin;
  5. Appoġġ operattiv għal programmi oħra tal-KNK, fosthom il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb b’xogħol relatat mill-kordinazzjoni tal-avveniment sal-qari tal-provi tal-materjal ippubblikat;
  6. Il-bini u ż-żamma ta’ relazzjonijiet mal-imsieħba lokali u internazzjonali, inklużi istituzzjonijiet kulturali, pubblikaturi, entitajiet governattivi u organizzazzjonijiet edukattivi;
  7. Ir-rappreżentazzjoni tal-KNK f’konferenzi, laqgħat internazzjonali u impenji mal-midja, biex jippromwovi s-suċċessi tal-industrija tal-kotba u l-letteratura ta’ Malta;
  8. Il-preparazzjoni ta’ sejħiet għall-offerti u applikazzjonijiet għal fondi u tenders, flimkien ma’ ppjanar u ġestjoni ta’ baġits skont ir-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku;
  9. L-abbozzar u l-editjar ta’ rapporti uffiċjali, pubblikazzjonijiet u komunikazzjonijiet pubbliċi, inkluż ir-Rapport Annwali tal-KNK;
  10. L-iżgurar ta’ trasparenza u kontabbiltà billi jiġu segwiti r-regolamenti kollha dwar l-akkwist pubbliku u billi tingħata risposta f’waqtha għal kull inkjesta mill-awtoritajiet ta’ reviżjoni fi ħdan il-Ministeru, l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, jew l-Ombudsman;
  11. Kull dmir ieħor assenjat mill-Kap Eżekuttiv tal-KNK jew ir-rappreżentant/i tiegħu/tagħha;
  12. Kull dmir ieħor skont il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku, kif preskritt mis-Segretarju Permanenti Prinċipali.

4. Rekwiżiti ta’ Eliġibbiltà

4.1 Sal-għeluq ta’ din is-sejħa, l-applikanti għandhom:

(i) Ikunu ċittadini Maltin u/jew ċittadini ta’ stat membru fl-UE/EEA;
(ii) Ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv u jitkellmu tajjeb kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż;


U


(iii) Ikunu fil-pussess ta’ kwalifika rikonoxxuta ta’ Master’s (MQF Livell 7, minimu 90 ECTS/ECVET jew ekwivalenti*) fl-Arti, Letteratura, Pubblikazzjoni jew kwalifika professjonali paragunabbli u ddeterminata mill-Amministrazzjoni;

* Kwalifika ta’ Masters rikonoxxuta b’minimu ta’ 60 ECTS/ECVET ta’ kretti tiġi aċċettata biss jekk tiġi sottomessa dikjarazzjoni formali ta’ rikonoxximent tal-Masters mill-MQRIC flimkien mal-applikazzjoni. Kwalifika ta’ Masters rikonoxxuta mill-Università ta’ Malta (mogħtija qabel l-2009) b’anqas minn 60 ECTS/ECVET ta’ kretti hija aċċettabbli sakemm tiġi vverifikata mill-MQRIC li l-ammont ta’ xogħol huwa komparabbli ma’ mill-inqas 60 ECTS/ECVET ta’ kretti.

Jew

(iv) Li jkollhom Baċellerat rikonoxxut fil-Livell 6 tal-MQF (suġġett għal minimu ta’ 180 ECTS/ECVET ta’ kretti jew l-ekwivalenti*) fil-qasam tal-Arti, jew Letteratura, jew Pubblikazzjoni, jew kwalifika professjonali komparabbli, jew f’oqsma relevanti kif determinat mill-Amministrazzjoni, kif ukoll esperjenza maniġerjali sodisfaċenti ta’ sentejn (2).

* Kwalifika rikonoxxuta li hija komparabbli ma’ 180 ECTS/ECVET ta’ kretti, kif japplika, tiġi aċċettata biss jekk tiġi sottomessa dikjarazzjoni formali ta’ rikonoxximent mill-MQRIC flimkien mal-applikazzjoni.

4.2 (i) Kandidati li għadhom ma rċevewx formalment il-kwalifika iżda għandhom konferma ta’ approvazzjoni xorta jkunu kkunsidrati. Dawn il-kandidati għandhom jippreżentaw prova li ġew approvati għall-għotja tal-kwalifika inkwistjoni.

(ii) Kandidati li bħalissa qed isegwu programm ta’ studju ta’ livell ogħla mill-minimu meħtieġ jistgħu japplikaw, bil-kundizzjoni li jippreżentaw prova li kisbu l-kretti meħtieġa sal-għeluq tal-applikazzjonijiet. Dawn il-kandidati għandhom jippreżentaw prova li temmew b’suċċess il-kretti meħtieġa ta’ ECTS/ECVET, jew l-ekwivalenti tagħhom, u li kisbu l-livell meħtieġ tal-MQF, sal-ħin u d-data tal-għeluq tas-sejħa għall-applikazzjonijiet. L-applikanti potenzjali għandhom jinnotaw ir-rekwiżit li jipproduċu dikjarazzjonijiet ta’ rikonoxximent mill-MQRIC, jew minn awtoritajiet oħra ddestinati kif japplika, fir-rigward tal-kwalifiki tagħhom, skont il-provvedimenti applikabbli għal din is-sejħa għall-applikazzjonijiet.

4.3 Uffiċjali Pubbliċi u impjegati fis-Setturi Pubbliċi jew entitajiet statali jistgħu japplikaw ukoll. Uffiċjali Pubbliċi li huma mislufa/jintbagħtu/jintużaw ma’ organizzazzjonijiet fis-Settur Pubbliku jew impjegati tas-Settur Pubbliku ingaġġati ma’ entità pubblika jistgħu japplikaw ukoll.

5. Dokumentazzjoni ta’ Appoġġ

5.1 Il-kwalifiki u l-esperjenza reklamati għandhom ikunu mirfuda minn ċertifikati u testimonjanzi, li għandhom jintbagħtu skennjati fuq nationalbookcouncil@gov.mt .

5.2 Iċ-ċertifikati jew it-testimonjanzi oriġinali jridu jiġu ppreżentati għall-verifika waqt l-intervista.

6. Proċedura tal-Għażla

6.1 L-applikanti eliġibbli jiġu evalwati minn Bord ta’ Għażla. Il-massimu ta’ marki huwa 100%, u l-marka minima biex tgħaddi hija 50%.

6.2 Se tingħata konsiderazzjoni addizzjonali lil dawk li għandhom esperjenza tax-xogħol rilevanti, apparti dak mitlub f’paragrafi 4.1 u 4.3

7. Sottomissjoni tal-Applikazzjonijiet

7.1 L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika biss fuq:
nationalbookcouncil@gov.mt. U għandhom jinkludu:

  1. Curriculum Vitae aġġornat (inkluż lista ta’ kwalifiki u storja tal-impjiegi);
  2. Formola tas-Servizz u l-Leave aġġornata (GP47) jew dokument simili;
  3. Ċertifikat tal-Kondotta f’format PDF;
  4. Transkript uffiċjali tal-kwalifiki;
  5. Ittra ta’ kopertura.

7.2 Data u ħin tal-għeluq tas-sottomissjoni: f’nofsinhar (12:00pm ħin ċentrali Ewropew), nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Settembru 2025. Se tintbagħat konferma ta’ rċevuta.

7.3 L-applikanti għandhom jieħdu ħsieb ma jħallux għall-aħħar minuta biex jissottomettu l-applikazzjoni.

7.4 Applikazzjonijiet tardivi jiġu kkunsidrati invalidi.

7.5 L-applikanti jingħataw sa jumejn (2) xogħol wara l-għeluq tal-applikazzjonijiet biex jissottomettu dokumenti neqsin jew skorretti.

Mr Mark Camilleri – Kap Eżekuttiv

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

SHARE POST

This site is registered on wpml.org as a development site. Switch to a production site key to remove this banner.