Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) fetaħ l-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb 2024, li dis-sena għandu xi bidliet strutturali sabiex jaqdi aħjar l-għanijiet tiegħu u jwessa’ t-tipi ta’ proġetti eliġibbli. Dan il-fond, b’ammont totali ta’ €120,000, għandu żewġ viji ewlenin li jiffinanzjaw kemm il-pubblikazzjoni, kif ukoll it-traduzzjoni u l-esportazzjoni ta’ kotba.

Il-KNK żviluppa dan il-fond biex irawwem tkabbir kulturali fis-suq tal-ktieb lokali, bħala parti mill-viżjoni tiegħu li jieħu r-rwol ta’ aġent kulturali fi ħdan is-soċjetà waqt li jikkontribwixxi b’mod proattiv lejn l-iżvilupp kulturali, edukattiv u intellettwali tas-soċjetà.

Il-Fond Malti tal-Ktieb 2024 jikkonsisti f’ħames fergħat differenti:

  1. Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Kotba Ġodda;
  2. Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa;
  3. Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni – Kategorija 1 – Traduzzjoni u Esportazzjoni ta’ Kotba minn Awturi Maltin
  4. Għotjiet għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni – Kategorija 2 – Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch
  5. Għotjiet għat-Traduzzjoni lejn il-Malti

L-Għotjiet għall-Pubblikazzjonji ta’ Kotba Ġodda għandhom l-għan li jwieżnu l-pubblikazzjoni ta’ letteratura ta’ kwalità u/jew xogħlijiet ta’ riċerka. Is-somma allokata hija ta’ €50,000. Proġetti ambizzjużi ta’ valur għoli kulturali u relevanti għas-suq lokali fil-mira tagħhom, speċjalment jekk tali proġetti għandhom nuqqas ta’ vijabbiltà kummerċjali jingħataw preċedenza.

L-Għotjiet għall-Pubblikazzjoni ta’ Edizzjonijiet Ġodda ta’ Kotba mhux fl-Istampa għandhom l-għan li jipprovdu pont bejn il-bżonn biex jinqraw il-kotba klassiċi ta’ importanza kulturali, edukattiva u intellettwali għas-soċjetà u n-nuqqas tagħhom fil-ħwienet tal-kotba, b’għan speċifiku li tissussidja il-pubblikazzjoni ta’ edizzjonijiet ġodda ta’ kotba li bħalissa mhumiex fl-istampa u li ġew ippubblikati għall-aħħar darba għall-inqas 20 sena mid-data ta’ ħruġ ta’ dan il-Fond. Is-somma allokata għal dawn l-għotjiet hija ta’ €10,000.

Il-Fond għat-Traduzzjoni u l-Esportazzjoni issa jinkludi żewġ kategoriji. L-ewwel waħda twieżen proġetti ta’ traduzzjoni ta’ xogħlijiet Maltin (ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż f’Malta, u li jkollhom ISBN Malti) f’kull ilsien ieħor, b’allokazzjoni baġitarja annwali ta’ €40,000. Fost il-proġetti ġodda eliġibbli f’dil-fergħa huma dawk tal-antoloġiji li jkollhom xogħol oriġinali fittizju jew mhux fittiżju minn awtur Malti jew aktar, u anki l-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet Maltin bl-Ingliż (li jkollhom ISBN Malti) f’territorji ġodda fejn jitkellmu l-Ingliż u fejn ġeneralment ma jkunx hemm bżonn traduzzjoni mill-bidu sal-aħħar (se jinbiegħu d-drittijiet).

It-tieni kategorija hija l-għotjiet għat-traduzzjoni ta’ silta minn ktieb bħala pitch, li għandhom l-għan li jappoġġjaw it-traduzzjonijiet ta’ siltiet ta’ xogħlijiet Maltin ippubblikati bil-Malti jew bl-Ingliż b’ISBN Malti għal kwalunkwe lingwa oħra; it-traduzzjonijiet ta’ xogħlijiet ippubblikati fi kwalunkwe lingwa għall-Malti; it-traduzzjoni ta’ xogħlijiet oriġinarjament ippubblikati fi kwalunkwe lingwa bil-ħsieb li s-silta tradotta tagħhom tintuża bħala traduzzjoni pont bl-Ingliż. L-allokazzjoni għal dawn l-għotjiet hija ta’ €5,000. L-applikanti jridu jiżguraw li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ikun identifikat fl-applikazzjoni, liema identifikazzjoni tinkludi l-pitch innifisha. L-applikazzjoni trid tinkludi wkoll ittra ta’ qbil mill-awtur tat-test jew id-detentur tad-drittijiet tat-test li qed jiġi tradott.

Il-ħames u l-aħħar fergħa tal-Fond Malti tal-Ktieb tirrigwarda t-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet b’kull lingwa oħra lejn il-Malti, b’baġit annwali ta’ €15,000. Dil-fergħa tiffinanzja proġetti ta’ traduzzjoni u pubblikazzjoni ta’ xogħlijiet letterarji u akkademiċi internazzjonali fil-lingwa Maltija, u b’hekk iwessgħu l-firxa ta’ kotba disponibbli bil-Malti u jagħnu lix-xena letterarja lokali.

L-għotjiet kollha fi ħdan dan il-Fond isegwu l-proviżjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba. Il-fondi jintrebħu mill-applikanti li jgħaddu minn proċess kompetittiv ta’ aġġudikazzjoni, li għalih se jinħatar speċifikament bord li se jevalwa kull proġett biex jassigura l-valur ta’ kull proġett u l-finanzjament meħtieġ tiegħu.

L-applikanti interessati huma mħeġġa jaqraw il-Linji Gwida u r-Regolamenti ta’ kull għotja b’reqqa sabiex jiksbu t-tagħrif meħtieġ rigward eliġibbiltà u l-proċess ta’ evalwazzjoni. Kull applikazzjoni li tikseb suċċess tista’ tirċievi finanzjament ta’ 100% tal-ispejjeż tal-proġett, b’massimu ta’ €5,000 għal kull għotja, b’eċċezzjoni għall-Għotjiet għat-Traduzzjoni ta’ Silta minn Ktieb bħala Pitch li għandha massimu ta’ €500.

Il-Linji Gwida u r-Regolamenti, flimkien mal-formola tal-applikazzjoni u informazzjoni relevanti oħra jistgħu jiġu aċċessati u mniżżla mis-sit tal-Fond Malti tal-Ktieb.

L-ordni tal-klassifikazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi tiġi ppubblikata fi żmien tmien ġimgħat minn meta jagħlqu l-applikazzjonijiet.

Id-data ta’ skadenza għal dan il-Fond hija nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju f’nofsinhar.


Share Article