Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb b’esperjenza multisensorja fl-MFCC f’Ottubru li ġej

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jippreżenta – fost ħafna eċitament –  il-poster uffiċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023, li jiġbor fih l-ispirtu multisensorjali tal-edizzjoni ta’ dis-sena fiċ-ċelebrazzjoni tal-kelma miktuba. Il-vjaġġ se jkun wieħed ’l hinn minn #kotbakitbauaktar!

Mifrux fuq ħamest ijiem bejn it-18 u t-22 ta’ Ottubru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali, għal darb’oħra l-Festival huwa l-punt ta’ referenza għall-kittieba, il-pubblikaturi, it-tradutturi, u l-illustraturi Maltin, iżda aktar minn hekk għall-pubbliku ġenerali li għandu l-kotba u l-qari għal qalbu. Din iċ-ċelebrazzjoni unika se tkun qed iddomm mal-50 esebitur armati fuq 8,000 metru kwadru ta’ spazju, li jinkludu pubblikaturi, bejjiegħa tal-kotba u NGOs. L-ispazju jinkludi wkoll inħawi apposta għall-attivitajiet, fosthom tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba u diskussjonijiet, u fl-istess ħin joffri biżżejjed spazju għal aċċessibiltà u parkeġġ bla inkwiet.

Dan l-avveniment annwali kulħadd ikun qed jistennieh, mill-individwi sal-familji, u jitħejja dejjem mill-KNK bil-ħsieb ewlieni li titkattar l-industrija tal-kotba lokali u biex ebda qarrej ma jitħalla barra minnha.

Il-poster huwa illustrat minn Moira Scicluna Zahra u ddisinjat minn Sarah Cachia Falzon, u jippersonalizza b’mod lewwieni u viżiv il-miri mpoġġija għal dan l-avveniment. Il-maskots – li diġà laqqajniekom magħhom fil-mezzi soċjali tagħna – jinkludu lil Ray il-Qarrej, sajjied immaġinarju dejjem bi ktieb f’idejh, lil Filip il-Kittieb, awtur mistur li jħobb jara l-kelma mibdula f’teatru, lil Ċiċi l-Ispettatriċi, qattusa kurjuża li tagħżel xħin tara xow letterarju, u lil Mia s-Semmiegħa, ħabbieba tal-mużika li taqbad tiżfen mal-istejjer.

Qarrejja tal-esperjenza u dawk li l-kotba jikluhom se jkunu ttrasportati minn dal-karattri sabiex jesploraw il-kapaċitajiet kreattivi li ssorr fiha l-letteratura, bis-saħħa ta’ attivitajiet li fihom midja differenti. Hawnhekk qed nitkellmu dwar esebizzjonijiet, kunċerti, sessjonijiet ta’ qari u eżekuzzjonijiet poetiċi – dawn kollha se ssibhom fil-Festival. Paripassu mal-ħsieb tal-KNK li jwassal il-letteratura b’mod diversifikat u fl-istess ħin iqawwi l-komunità kreattiva lokali, dawn l-erba’ karattri se jkunu qed jidhru f’animazzjoni mill-isbaħ maħluqa minn Kyle Xuereb Cunningham, filmat li kien ikkummissjonat mill-KNK wara sejħa miftuħa, u għażla li saret b’kollaborazzjoni mal-Malta Community of Illustrators.

U wara din l-introduzzjoni kemxejn entużjasta dwar il-maskots tagħba, il-KNK jistieden lill-pubbliku jibqa’ jsegwi l-aġġornamenti tagħna hekk kif il-Festival kulma jmur joqrob. Tant hu hekk, li daqt inkellmukom dwar il-programm tal-attivitajiet meta nħabbruh fit-12 ta’ Settembru. Lets ruħkom għal programm mimli attivitajiet li jolqtu l-gosti ta’ kulħadd.

Żomm ruħek aġġornat billi ssegwi s-sit tal-KNK u l-paġni tal-FB tiegħu u tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article