Bookfair2013_43 MBF2016 Press Release PIC

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq iħabbar li bħalissa għaddejin il-preparazzjonijiet għall-Festival tal-Ktieb 2016 u jixtieq jinforma lill-pubbliku ġenerali dwar il-post, il-ġranet u l-ħinijiet ta’ ftuħ, u anke dwar l-attivitajiet li tħejjew għalihom f’dan il-Festival.

L-avveniment ser iseħħ mid-9 sat-13 ta’ Novembru fiċ-Ċentru tal-Konferenzi, Dar il-Mediterran, il-Belt Valletta u ser ikun miftuħ għall-pubbliku filgħodu u filgħaxija, inklużi s-Sibt u l-Ħadd. F’dawn il-ħamest ijiem, membri tal-pubbliku huma mistiedna jżuru s-swali barokki tal-isptar storiku tal-kavallieri sabiex jieħdu sehem fl-ikbar u l-isbaħ ċelebrazzjoni tal-ktieb u tal-qari li sseħħ fil-gżira tagħna. Ġo dawn is-swali il-pubbliku ser isib pubblikaturi lokali u barranin, distributuri u ħwienet tal-kotba, kif ukoll numru ta’ NGOs. Ħafna minn dawn il-parteċipanti ħejjew attivitajiet ghall-pubbliku b’temi litterarji li jinkludu t-tnedija ta’ pubblikazzjonijiet ġodda u taħdidiet mal-awturi tagħhom.

Bħas-soltu, il-festival se joffri numru ta’ avvenimenti w attivitajiet kulturali/edukattivi li huma maħsuba kemm għall-kbar u kemm għaz-zgħar. Fosthom insibu konferenza ta’ relevanza kbira għad-dinja tallum, bit-titlu Literature and Totalitarianism. Nistiednu membri tal-pubbliku biex jieħdu sehem f’taħdida bejn tlett imħuħ brillanti li jinzertaw fost il-mistiednin speċjali għal din is-sena:  il-kittieb satiriku Alek Popov, mill-Bulgarja, Patrick McGuinness, il-kittieb u akademiku brittaniku u l-kittieba Eġizzjana, Basma Abdel Aziz.

Għat-tieni darba konsekuttiva se titħejja wkoll attività ġdida ddedikata lir-rebbieħ tal-Lifetime Achievement Award tas-sena li għaddiet, il-poetessa Maria Grech Ganado. Membri tal-pubbliku se jkollhom l- l-opportunita’ jiltaqgħu mal-poetessa u jisimgħu il-poeziji tagħha waqt li jinqraw minn qarrejja professjonali. Maria Grech Ganado, l-ewwel mara Maltija li nħatret full-time lecturer fl-Università ta’ Malta, tikteb kemm bil-Malti u kemm bl-ingliz u s’issa ħarġet erba’ ġabriet ta’ poeżiji  bil-Malti. L-aħħar ġabra ta’ poeżiji , ‘taħt il-Kpiepel t’Għajnejja’, ħarġet fis-sena 2014. Hija mgħarufa (u maħbuba) ħafna għall-poeżija ‘Jum San Valentin.’

Din l-attività ser isseħħ il-Ġimgħa filgħaxija bħala parti minn serata ddedikata lill-poeżija. Fl-istess serata l-Kunsill se jħejji avveniment ieħor flimkien mal-Għaqda Poeti Maltin fejn se jinqraw għadd ta’ poeżijia  u jitħabbru ir-rebbieħa tal-Konkors tal-Poeżija Mons. Amante Bountempo 2016.

Din is-sena se jkun hemm ukoll konferenza fuq it-tema tal-litteriżmu u l-pubblikazzjoni, Books and Literacy: yesterday, today and tomorrow, imħejja mill-Kunsill flimkien mad-Dipartiment ta’ Library Information and Archive Science mill-Università ta’ Malta. Il-konferenza se tistudja r-relazzjoni bejn il-kotba u l- litteriżmu fl-isfond tal-istorja tal-pubblikazzjoni. B’mod partikolari se tħares lejn l-era moderna u t-teknoloġiji li wessgħu s-sinifikat tal-kelma ‘litteriżmu’ biex tinkludi litteriżmu diġitali, vizwali u kibernetiku u kif dan il litteriżmu tad-dinja tal-informatika jingħaqad mal-litteriżmu tradizzjonali. Fil-konferenza se jkun hemm kelliema kemm Ingliżi kif ukoll Maltin.

Bħas-soltu, il-festival se jinkludi wirja tematika din id-darba fuq is-suġġett tal-artiġġjanat tal-kotba maħduma bl-idejn. Il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku fil-Perello Suite tal-MCC fejn se jintwerew ħafna eżempji ta’ kotba maħduma bl-idejn minn artiġġjani lokali u ser ikun hemm ukoll lok għall-workshops u taħdid fuq l-arti tal-codex.

Avvenimenti oħra ta’ importanza kbira ġew imħejja għal studenti u tfal matul il-gimgħa filgħodu, ifisser nhar l-Erbgħa, nhar il-Ħamis u nhar il-Ġimgħa. Fost l-attivitajiet imħejja hemm rappreżentazzjonijiet teatrali msejsa fuq it-titli rebbieħa tal-Premju Terramaxka ta’ din is-sena u konkors ta’ kostumi mgħamula minn kotba rriċiklati. Għadd ta’ atturi libsin ta’ figuri poplari mid-dinja tal-litteratura se jkunu preżenti waqt iż-żjara tal-studenti biex jigwidawhom tul is-swali, qalb il-kotba u l-wirjiet li jkunu għaddeja. Importanti wkoll li ngħarfu lill-pubbliku li kull student li jżur il-festival f’dawn il-ġranet u ħinijiet se jingħata voucher ta’ tliet ewro sabiex jitħajjar jixtri kotba. Il-voucher tista’ tiġi użata biss mill-istudent u trid tiġi użata dak in-nhar stess.

Is-Sibt filgħaxija se ngħalqu b’avveniment importanti ħafna, il-premiere ta’ films qosra fis-sala Sir Temi Zammit. Ir-rebbieħ tal-NBS PBS Konkors ta’ Films Qosra 2016 huwa Ryan Gatt b’film imsejjes fuq l-istorja ‘Il-Kompliċi’ minn ġabra ta’ stejjer qosra ta’ Walid Nabhan ‘lura d-dar u ġrajjiet oħra li ma ġrawx’ (Klabb Kotba Maltin, 2009.) L-avveniment huwa miftuħ ghall-pubbliku bla ħlas u joffri l-opportunità lil min jattendi sabiex jiltaqa’ mad-direttur żgħażugħ, il-kittieb tal-storja w oħrajn f’taħdida dwar l-addatament ta’ xogħol litterarju.

In-numri u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb żdiedu b’mod konsiderevoli tul dawn l-aħħar tliet snin u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qiegħed jistenna li l-Festival tal-Ktieb 2016 ser ikun l-ikbar Festival tal-kotba li qatt sar f’Malta.

 

Profili tal-Awturi Barranin

Alek Popov huwa bla dubbju mgħaruf mal-pubbliku l-iktar għall-ktieb tieghu ‘Mission London’, parodija brillanti tal-Bulgarija postkommunista u demokratika. Film popolari msejjes fuq ir-rumanz se jintwera waqt il-festival. L-aħħar rumanz tiegħu, ‘The Black Box’, ġie deskritt mill-kritiċi bħala kummiedja traġika fuq kif il-kapitalizmu neoliberali jixxaħam minn fuq in-nuqqas ta’ galbu taċ-ċittadin konsumatur.

Patrick McGuinness, professur tal-lingwa Franċiża u litteratura kontemporanja fl-Università t’Oxford, għamel kontribut kbir fl-istudju tal-poezija simbolista Franċiża, fosthom traduzzjoni għall-Ingliż tal-poeziji ta’ Stéphane Mallarmé, xogħol ta’ valur enormi minħabba l-fatt li kienet diffiċli hafna qabel li wieħed isib traduzzjonijiet tajba ta’ dan il-poeta tant importanti. L-ewwel rumanz tiegħu, ‘The Last Hundred Days’, li ġie nnominat għall-Man Booker Prize 2011, huwa rumanz thriller fejn l-azzjoni sseħħ fl-isfond tar-Rumanija ta’ Ceaușescu. Id-dittatorjat totalitarjan iħeġġeġ liċ-ċitaddini jissindikaw il-ħajja privata ta’ xulxin f’għanqbuta li tinflitra u tniġġez kull forma ta’ kuntatt soċjali. Il-protagonist huwa student-ghalliem  Ingliż li, bħal McGuinness innifsu, sab ruħhu f Bukarest fiż-żmienijiet mudlama qabel ir-revoluzzjoni.

Ix-xogħol litterarju ta’ Basma Abdel Aziz huwa rappreżentattiv hafna tan-new wave ta’ kittieba mill-Lvant Nofsani li qed ifittxu li jgħamlu sens mid-diżappunti u t-taħwid li ħallew warajhom l-avvenimenti mgħarufa lilna bħala ir-Rebbiegħa Għarbija. Ir-rumanz tagħha ‘The Queue’  ġie mqabbel mal-aħjar eżempji ta’ litteratura distopjana u surreali bħal ‘The Trial’ ta’ Franz Kafka u ‘Blindness’ ta’ Jose Saramago. Basma hija mgħarufa wkoll bħala attivista għad-drittijiet tal-bniedem u kitbet ħafna fuq it-torturi u l- abbużi mwettqa’ mill-forzi ta’ sigurta Eġizzjani fis-snin ta’ wara ir-ribelljoni.

Gilbert Sinoué huwa kittarist klassiku, u kittieb kemm ta’ novelli kif ukoll ta’ scripts għall-films u t-televixin. Bl-ewwel novella tiegħu ‘La Pourpre et l’olivier, ou Calixte 1er le pape oublié’, (The Crimson and the Olive Tree, or Calixte I the Forgotten Pope) li ħareġ meta kellu 40 sena rebaħ il-premju Jean d’Heurs għall-aħjar novella storika. Fin-novelli u l-kotba l-oħra tiegħu Sinoué jesplora għadd kbir ta’ ġeneri litterarji. Bil-pubblikazzjoni  ‘The Egyptian’, il-bidu ta’ saga li sseħħ fl-isfond tal-Eġittu fis-sekli 18 u 19, huwa kiseb il-premju litterarju Quartier latin waqt li t-thriller ‘The Silences of God’ rebbaħlu l-premju Grand prix de littérature policière fl-2004.


Share Article