Fit-22 ta’ Jannar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) tella’ l-Laqgħa Annwali ta’ Konsultazzjoni għall-Awturi u l-Pubblikaturi, li fiha tħabbru d-dati tal-avvenimenti u inizjattivi ewlenin tiegħu għall-2022, fosthom ir-reviżjoni strateġika tad-dati tal-Festival Nazjonali tal-Ktieb u tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Il-Kunsill informa lill-imsieħba dwar il-bidliet fil-Fond Malti tal-Ktieb u l-applikazzjoni għall-ISBN/ISMN, u leħħen il-viżjoni tiegħu għat-tnax-il xahar li ġejjin.

Il-pjan ta’ żvilupp tal-KNK għal bejn l-2022 u l-2024 jimmira għal esperjenza ta’ tkabbir mill-imsieħba tiegħu, u għal ameljorament tal-qagħda tal-ktieb Malti lokalment u lilhin. L-objettiv tal-KNK hu li jissaħħaħ fit-trasparenza u l-qsim tal-informazzjoni dwar dak li għandu x’jaqsam mal-amministrazzjoni tal-konkorsi u l-premji, u anki fis-servizzi kollha offruti lill-imsieħba. F’dal-kuntest il-KNK se jkun qed iniedi l-Publishing Entities Survey 2021 f’ħidma mal-NSO fil-ġimgħat li ġejjin.

Bħala parti minn proċess ta’ tiġdid tal-avvenimenti ewlenin tal-Kunsill, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 se jsir eqreb lejn il-festi, jiġifieri bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru, sabiex l-industrija tkun megħjuna tikkapitalizza mill-iskonti tal-Milied. Iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb se ssir fl-4 ta’ Novembru 2022, u se tkun tinkludi kemm il-Premju Terramaxka għat-tfal u l-adolexxenti u l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-adulti. Dan se jgħin sabiex jogħla l-prestiġju tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u sabiex il-promozzjoni tal-kotba rebbieħa tkun tista’ ssir waqt il-Festival aktar tard. Bis-saħħa ta’ għarfien tas-suq lokali tal-pubblikazzjoni, il-KNK se jkun qed iżid żewġ kategoriji tant meħtieġa fil-Fond Malti tal-Ktieb, jiġifieri fond għar-ripubblikazzjoni ta’ kotba klassiċi Maltin, u ieħor li jwieżen it-traduzzjoni ta’ siltiet minn ktieb sabiex jintużaw biex iqajmu interess minn pubblikaturi lokali u internazzjonali.

Hemm kampanji promozzjonali u ta’ marketing multimedjali fil-pjanijiet, fosthom trailers awdjoviżivi ta’ kotba, inizjattiva dwar l-aħjar kotba Maltin, u poddata letterarja.

L-esportazzjoni letterarja hija vitali għall-industrija tal-kotba Maltija, u l-KNK iħabrek kontinwament sabiex iqabbad awturi lokali ma’ pubblikaturi barranin. Il-Kunsill kommess sabiex fl-2022 u l-2023 isaħħaħ il-kuntatti barranin li għandu u jixpruna inizjattiva sabiex titwaqqaf aġenzija letterarja u l-infrastruttura li twieżen lil awturi u pubblikaturi biex jidħlu fi swieqi tal-pubblikazzjoni barranin.

Inħarsu ’l quddiem għal sena mimlija xogħol, kotba, u letteratura.

     Niżżel id-dati

IL-PREMJU NAZZJONALI TAL-KTIEB

Ftuħ is-sejħa: 8 ta’ Marzu – 28 ta’ Marzu 2022
Iċ-ċerimonja: 4 ta’ Novembru 2022
Aktar informazzjoni: https://ktieb.org.mt/mt/premju-nazzjonali-tal-ktieb/

Mad-daqqa t’għajn

– 8 premji bejn kategoriji letterarji u ta’ riċerka, u 6 għat-Terramaxka (kotba għat-tfal u l-adolexxenti)
– Konkors kompetittiv
– Aġġudikazzjoni indipendenti
– PREMJI GĦAL XOGĦLIJIET ORIĠINALI: €4,000
– PREMJI GĦAL TRADUZZJONIJIET (Terramaxka biss): €2,000
– PREMJI SPEĊJALI: €4,000

FESTIVAL TAL-KTIEB FUQ IL-KAMPUS


Dati:
23-25 ta’ Marzu 2022
Applikazzjoni għall-esebituri:
27 ta’ Jannar sat-3 ta’ Frar 2022

FESTIVAL NAZZJONALI TAL-KTIEB 2022


Dati:
23-27 ta’ Novembru
Applikazzjoni għall-esebituri:
24 ta’ Mejju sal-24 ta’ Ġunju 2022
Aktar informazzjoni: ktieb.org.mt

LONDON BOOK FAIR – MILL-5 SAS-7 TA’ APRIL 2022

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jirrappreżenta lill-awturi u pubblikaturi Maltin waqt il-London Book Fair.

Mad-daqqa t’għajn

– Se niġbdu l-interess għall-pubblikazzjoni ta’ kotba Maltin fi traduzzjoni;
– Se niltaqgħu ma’ kuntatti antiki u aġenziji letterarji ġodda sabiex nikkuntrawalizzaw ftehimiet ġodda;
– Se ntellgħu seminar u sessjonijiet ta’ qari sabiex nippromwovu l-letteratura Maltija ma’ qarrejja u pubblikaturi interessati

IL-KONKORS NAZZJONALI TAL-POEŻIJA          DOREEN MICALLEF

Ftuħ is-sejħa: 14 ta’ Ġunju sad-19 t’Awwissu 2022
Aktar informazzjoni fuq https://ktieb.org.mt/mt/il-konkors-nazzjonali-tal-poezija-doreen-micallef/

Mad-daqqa t’għajn
L-EWWEL PREMJU: €1,000
IT-TIENI PREMJU: €100
IT-TIELET PREMJU: €50

– Aġġudikazzjoni indipendenti
– Il-poeżiji evalwati anonimament
– Konkors kompetittiv
– Għal poeżiji bil-Malti li ma jaqbżux is-36 vers

IL-FOND MALTI TAL-KTIEB

Ftuħ is-sejħa: 19 ta’ April
Għeluq is-sejħa: 30 ta’ Ġunju 2022
Tħabbir tar-riżultati: 24 t’Awwissu 2022
Aktar informazzjoni: https://ktieb.org.mt/mt/il-fond-malti-tal-ktieb/

Mad-daqqa t’għajn
BAĠIT ANNWALI: €120,000
GĦOTJA MASSIMA: €500-€5,000

– Għal kotba fl-stadju ta’ proġett (mhux ippubblikati)
– Biex jiġu ssussidjati pubblikazzjonijiet mhux vijabbli kummerċjalment
– Biex iwieżen traduzzjonijiet mill-Malti u fil-Malti
– Biex iwieżen ir-ripubblikazzjoni lokali ta’ klassiċi Maltin
– Biex iwieżen it-traduzzjoni ta’ siltiet minn kotba li jintużaw biex iqajmu interess minn pubblikaturi lokali u internazzjonali
– Aġġudikazzjoni indipendenti

JEDDIJIET TAS-SELF PUBBLIKU (PLR)

Applikazzjonijiet milqugħa s-sena kollha
Il-formola tal-applikazzjoni u aktar informazzjoni fuq https://ktieb.org.mt/mt/jeddijiet-tas-self-pubbliku/

Mad-daqqa t’għajn
BAĠIT ANNWALI: €60,000
ĦLAS MASSIMU F’SENA: €5,000

– Għal awturi; koawturi; illustraturi u fotografi (50% jew aktar mill-kontenut); edituri
– Ħlas maħruġ kull tliet xhur
– Skema estiża għal kotba mislufa mil-Librerija tal-Università ta’ Malta (ISBNS lokali) – maħruġ kull sena
– Fondi allokati għal kull perjodu li jinqasmu bil-perċentwal skont l-istatistika tas-self

ISBN u ISMN

Applikazzjonijiet milqugħa s-sena kollha
Il-formola tal-applikazzjoni u aktar informazzjoni fuq https://ktieb.org.mt/mt/isbn/

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – X’inhu xogħolna?

 

– Norganizzaw avvenimenti nazzjonali u internazzjonali, minn uħud żgħar sa oħrajn kbar: il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus;
– Naġixxu bħala aġenzija letterarja għall-awturi u l-pubblikaturi f’fieri barranin tal-kotba;
– Norganizzaw konkorsi letterarji;
– Namministraw il-ħlasijiet tal-jeddijiet tas-self pubbliku (PLR), u l-ISBN u l-ISMN
– Nikkordinaw, niffaċilitaw, u nissussidjaw proġetti lokali u ta’ esportazzjoni letterarja (Il-Fond Malti tal-Ktieb);
– Namministraw fondi awdjoviżivi għal produzzjonijiet ta’ kotba relatati mal-letteratura


Share Article