Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Kunsill Malti għall-Arti bi pjaċir iħabbru li l-esibizzjoni From Illustration to Book se tkun fiċ-ċentru tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb li se jittella’ bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC), Ta’ Qali.

L-esibizzjoni hija r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Kunsill Malti għall-Arti, il-frott tal-ambizzjoni taż-żewġ entitajiet kulturali biex isaħħu networks professjonali li b’hekk iżidu l-opportunitajiet għall-komunità kreattiva. Riċentament ġie ffirmat ftehim bejn iż-żewġ entitajiet, li fost l-oħrajn, jippermetti l-integrazzjoni ta’ opportunitajiet għal illustraturi u disinjaturi grafiċi fi ħdan l-industrija tal-pubblikazzjoni.

From Illustration to Book toffri pont bejn l-arti viżwali u l-letteratura u se tipprovdi vetrina għal dawk l-illustraturi u disinjaturi grafiċi li jaħdmu fl-industrija tal-pubblikazzjoni. Dan kollu huwa parti minn sforz biex jinstabu aktar opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali u kreattiv, aktar aċċessibbiltà għall-kotba u pubblikar għal udjenzi varji, u biex jiġu attirati pubblikaturi barranin li qed ifittxu ideat ġodda.

L-ispazju miftuħ ta’ 360 metru kwadru pprovda lill-kuratriċi Dr Nikki Petroni (Eżekuttiv fl-Edukazzjoni u l-Iżvilupp) il-libertà biex toħloq spazji differenti mfassla speċifikament għall-preżentazzjoni ta’ ħames sezzjonijijet tematiċi. Is-sezzjoni prinċipali se tkun dedikata għal illustrazzjonijiet u disinni ta’ kotba kontemporanji, li ntgħażlu wara sejħa, u fiha se jintwerew ix-xogħlijiet ta’ 14-il artist li jinkludu xogħlijiet riċenti għall-qxur tal-kotba u l-illustrazzjonijiet għall-kotba, fosthom dawk tat-tfal.

Sezzjoni oħra fl-esibizzjoni se tkun iddedikata biex jintwerew xogħlijiet artistiċi magħżula għat-tieni volum tal-Malta Illustration Annual 2022, idea tal-Komunità Maltija tal-Illustraturi mwieżna minn MCAST Research. L-MCOI għandha r-rwol biex tressaq flimkien lill-illustraturi professjonali u tippromwovihom, biex tmexxi ’l quddiem l-użu tal-illustrazzjoni bħal għodda ta’ komunikazzjoni effettiva, u biex tipprovdi edukazzjoni fuq is-suġġett. L-istess Annual se jkun imniedi fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u huwa sponsorizat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. L-Annwal joffri lill-udjenza spettru wiesa’ ta’ illustrazzjonijiet kummerċjali u oħrajn li dehru f’pubblikazzjonijiet, flimkien ma’ proġetti personali oħra magħżula minn panel ta’ aġġudikanti distinti (Katie Chappell, Mark Scicluna u Julian Mallia). Ix-xogħlijiet ta’ Gattaldo, mistieden speċjali tal-Festival, se jintwerew f’din is-sezzjoni fost aktar minn 20 xogħol ieħor.

Sezzjoni oħra se tkun iddedikata lil tliet personalitajiet Maltin: l-awtur familjari ma’ kulħadd Trevor Żahra, li flimkien mal-kitba tal-istejjer għall-kbar u ż-żgħar, ipprovda ħafna illustrazzjonijiet għall-kotba tiegħu stess; il-poeta li ħalliena din is-sena Mario Azzopardi, pijunier ta’ mewġa ġdida ta’ letteratura f’Malta, li introduċa wkoll disinni ġodda għall-kollezzjonijiet tiegħu; u l-kartunista-ġurnalista Malti-Amerikan Joe Sacco, magħruf l-aktar madwar id-dinja għall-ġurnaliżmu permezz tal-komiks tiegħu. F’din is-sezzjoni se jiġu esebiti x-xogħlijiet artistiċi tagħhom flimkien mal-kotba li fihom dehru l-istess illustrazzjonijiet.

Sezzjoni speċjali tal-esibizzjoni se tkun iddedikata għall-illustrazzjonijiet ta’ erba’ gruppi ta’ karattri li mmarkaw it-tfulija tal-Maltin minn ġenerazzjoni għal oħra: Kunċett u Marinton, kif impenġija minn Trevor Żahra, Fra Mudest kif impenġi minn Frank Schembri, Alexandra u Wallace Casingena; il-qtates ta’ Il-Qtates ta’ max-Xatt kif impenġija minn Lisa Falzon u Ir-Ronnie kif impenġi minn Steve Bonello.

Se tintwera wkoll selezzjoni ta’ kotba li ġew disinjati u llustrata mill-artisti ewlenin ta’ Malta fis-seklu 20, li ħadmu mill-perjodu ta’ bejn iż-żewġ gwerer dinjija u t-tmeninijiet, fosthom Alfred Chircop, Emvin Cremona u Gianni Vella.

Bħala parti mill-kollaborazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali tal-Kiteb, il-Kunsill Malti għall-Arti se jkun qed jorganizza sere ta’ sessjonijiet Iltaqa’ mal-Artist, li jinkludu diskussjonijiet ma’ wħud mill-illustraturi u pubblikaturi ewlenin, kif ukoll sessjoni ta’ informazzjoni fuq l-istrateġija ta’ finanzjament tagħhom.

Il-programm sħiħ tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jkun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.

Għall-aħħar aġġornamenti, segwi ktieb.org.mt u artsouncilmalta.org, flimkien mal-paġni tal-midja soċjali kemm tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kif ukoll tal-Kunsill Malti għall-Arti.

 


Share Article