Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) se jkun qed jippromwovi prattiċi sostenibbli għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru. Bis-saħħa ta’ kollaborazzjonijiet ma’ msieħba ewlenin, se jkunu qed isiru inizjattivi eko-konxji li jqanqlu kuxjenza sostenibbli u ambjentali fil-pubbliku.

Bit-tema ‘Għada jibda bl-Għajn’, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qiegħed attivament jieħu miżuri li jnaqqsu l-impatt ambjentali. Fost l-oħrajn, naqqasna l-materjal stampat, użajna mill-ġdid u rriċiklajna r-riżorsi, u qed naħdmu biex f’tul iż-żmien ikollna avveniment mingħajr plastik. Qed isiru sforzi varji mid-disinn tal-post sal-attivitajiet ippjanati sabiex min jiġi l-Festival jiddakkar minn drawwiet sostenibbli.

“It-tema ewlenija tal-Festival, #dinjietjirrimaw, tagħmel sens ma’ din l-inizjattiva għax għandna dinja waħda u rridu nieħdu ħsiebha”, qalet id-Direttur tal-Festival Simona Cassano. Irreferiet għad-diversi entitajiet li l-KNK qed jaħdem magħhom, “Fuq quddiem nett ta’ dawn l-azzjonijiet ħodor hemm il-ħidma ma’ msieħba li jgħinuna nagħtu viżjoni usa’ lill-avveniment”, temmet tgħid.


F’konkordanza mal-inizjattiva tal-Benna ‘Too Good to Waste’, il-Festival se jħeġġeġ lill-pubbliku biex ma jaħli xejn u biex dejjem juża alternattivi eko-konxji fejn jista’. Dil-kollaborazzjoni taqbel mal-għan tal-Festival li jnaqqas il-ħela. Ma’ Piscopo Gardens ħdimna sabiex inħaddru r-Rokna tal-Ktieb sabiex il-viżitaturi jkunu rilassati meta jiltaqgħu ma’ ħaddieħor, u anki biex infakkru fl-importanza tan-natura għall-benessri tagħna.

Bħala parti mill-kollaborazzjoni tagħna, Piscopo Gardens se jsebbħu z-zona bi pjanti kkurati, fosthom siġar żgħar taż-żebbuġ, dendul u ħwawar biex joħolqu atmosfera li tilqgħek u li tikkumplimenta l-ħsieb eko-konxju tal-Festival. Dil-ħidma se tfakkar li ‘Għada jibda bl-Għajn’, minħabba li Piscopo Gardens ilhom jippromwovu l-importanza tan-natura u s-sostenibbiltà għall-ġenerazzjonijiet ġejjiena.

L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) se jkollha rwol importanti, għax qed tirritorna l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb biex teduka lill-qarrejja żgħar dwar l-importanza li ma neħlux l-ilma u l-enerġija. Bis-sapport tal-fergħa tagħha dwar il-konservazzjoni tal-ilma, Għajn, l-EWA se tisponsorizza s-Sala tal-Qarrejja b’sessjonijiet ta’ qari li jdommu kreattivament il-qari tal-istejjer mal-edukazzjoni ambjentali. Dawn is-sessjonijiet, bi stejjer bħal Osbert and Friends u Il-Kavallier Għatxan, magħmulin tali mod li t-tfal jinvolvu ruħhom fit-tagħlim dwar il-bijodiversità, il-konservazzjoni tal-ilma, u l-istorja tas-sistemi Maltin fil-ħażna tal-ilma.

Bħala parti mill-ħidma sabiex fil-Festival jonqos l-użu ta’ plastik li tużah darba u tarmih, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) se tipprovdi buggy tal-ilma fid-daħla ewlenija fl-MFCC (North Entrance) sabiex il-viżitaturi jimlew il-fliexken tagħhom b’ilma b’xejn. B’hekk innaqqsu l-użu tal-plastik u noffru soluzzjoni prattika.


Is-sostenibbiltà se ssibha wkoll fil-lat artistiku waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. L-esebizzjoni Għada jibda bl-Għajn tesplora l-futur ta’ Malta minn lenti ambjentali. Fi sħab maċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Ambjentali u r-Riċerka u l-Malta Community of Illustrators (MCOI) u bis-sapport tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Gutenberg Press, l-esebizzjoni se tistieden artisti lokali biex jimmaġinaw kif tista’ tkun Malta 20 sena oħra kieku nħaddnu prattiċi sostenibbli. Ix-xogħlijiet artistiċi se jinkorporaw postijiet magħrufa biex iqanqlu fil-pubbliku riflessjoni dwar id-deċiżjonijiet li nieħdu llum li se jaffettwaw lil għada. Anki l-kotba fihom infushom isiru għodda bid-dinja fil-qalba tal-ħsieb.

Għada jibda bl-Għajn hija sezzjoni speċjali mill-esebizzjoniu usa’ From Illustration to Book (issa fit-tielet sena tagħha b’ħidma mal-Kunsill Malti għall-Arti). Il-Gutenberg Press ta għadd ta’ kotba illustrati biex jintużaw mill-ġdid, u kulma ħoloq kien il-ġakketta tal-qoxra għall-esebizzjoni. B’hekk il-Festival jixtieq iwassal l-idea tal-produzzjoni eko-konxja tal-kotba.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb kommess lejn prattiċi sostenibbli ta’ stampar, u kemm jista’ jkun se juża materjali ħbieb tal-ambjent, u fl-istess ħin inaqqas l-impatt ekoloġiku tal-printing billi juża sinjali, materjali u strutturi tal-esebizzjoni li intużaw is-sena l-oħra, b’hekk jissaħħaħ il-messaġġ aħdar bl-azzjoni.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali bejn l-Erbgħa 6 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru.

Għall-programm tal-attivitajiet żur hawnhekk. Għal aktar informazzjoni żur ktieb.org.mt u l-paġni Facebook u Instagram tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article