Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir jippreżenta l-powster uffiċjali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022, li dis-sena se jsir bejn l-Erbgħa 23 u l-Ħadd 27 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) f’Ta’ Qali.

Il-powster ta’ din l-edizzjoni huwa illustrat u ddisinjat mill-awtur u l-illustratur tat-tfal Gattaldo, u jdur ma’ tema li tmur lura għal żmien l-għerien – ir-rakkont tal-istejjer bis-saħħa tal-istampi u l-immaġni. Il-powster fih għadd ta’ figuri mqegħdin wara xulxin li flimkien għandhom storja xi jgħidu, qishom bħal f’komik silenzjuż. Il-protagonist fil-powster jiltaqa’ mal-kotba, u bis-saħħa t’hekk jara d-dinja minn perspettivi ġodda, iħoss li l-kotba qed ikellmuh u jsir parti mill-istejjer. L-ewwel kotba li niltaqgħu magħhom huma appuntu, kotba tat-tfal bl-istampi, u għalkemm nassoċjaw ktieb mal-kliem, it-tpinġijiet u l-istampi kkomunikaw mal-bniedem ferm qabel il-kliem.

Illustrazzjonijiet u branding © Gattaldo

Il-powster tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 iweġġagħ sehem l-istampi u l-illustrazzjonijiet fil-ħajja tal-qarrejja, minn xbihat li jqanqlu emozzjonijiet varji fuq il-qoxra tal-ktieb u jipperswaduna nintilfu fl-istorja, sa ġeneri li għandhom fil-qalba tagħhom ir-rakkont tal-istorja bl-istampi bħala arti letterarja. Il-promozzjoni tal-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi hija parti mill-ħidma tal-KNK li biha qed jinħolqu sinerġiji ġodda ma’ entitajiet differenti li minnhom jibbenefikaw l-imsieħba fl-industrija tal-kotba. Fost seminars u taħditiet oħra dwar il-professjonijiet differenti fl-industrija, dis-sena l-Festival se jospita l-esebizzjoni ‘minn illustrazzjoni għal ktieb’, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti tal-Arti u l-MCAST. 

L-ilustratur Gattaldo ħadem fl-Ewropa kollha ma’ Art Direction fil-qasam tar-reklami u l-fotografija. Bħalissa jgħix Londra, u xogħlu ġie ppubblikat fit-Renju Unit u l-Istati Uniti. Il-verżjoni bil-Malti tal-ktieb tiegħu għat-tfal Fearless se tkun ippubblikata lejn l-aħħar tas-sena minn Midsea Books. Bħala mistieden tal-Festival, Gattaldo se jiltaqa’ mal-pubbliku f’għadd ta’ attivitajiet li se jkollu mat-tfal u professjonisti tal-industrija.

Dis-sena hemm aktar minn 50 esebitur waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, mifruxin fuq 8,000 metru kwadru ta’ art, li fuqha se jkun hemm ukoll inħawi fejn isiru l-attivitajiet. Il-post huwa aċċessibbli għal kulħadd, u m’hemmx problema ta’ parkeġġ.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jibqa’ kommess li jipprovdi l-aħjar esperjenza b’mod sigur għall-viżitaturi. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed inħabbru l-mistiedna lokali u internazzjonali tal-Festival, kif ukoll il-programm tal-attivitajiet. 

Żur is-sit tal-KNK u l-paġna tal-Facebook għall-aħħar aġġornamenti dwar il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022.


Share Article