Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2023 fetaħ uffiċjalment illejla waqt ċerimonja li fiha ġie enfasizzat l-aspett multisensorjali ta’ din l-edizzjoni bis-saħħa ta’ attivitajiet u inizjattivi li jinkwadraw ’il-letteratura u l-kotba f’dimensjonijiet oħra li fihom dawn jixxettlu u jilħqu udjenzi ġodda.

Għat-tieni sena konsekuttiva, waqt is-serata nfetħet l-esebizzjoni From Illustration to Book f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, li tħares lejn l-evoluzzjoni tal-illustrazzjonijiet lokali tal-kotba fi żminijiet u bi stili differenti. Safrattant waqt is-serata kien hemm l-illustraturi li bdew it-tpinġija tagħhom fuq il-Mural Interattiv, inizjattiva f’ħidma mal-Malta Community of Illustrators li se tiffoka fuq il-qawwa tal-illustrazzjoni li ġġib bidla soċjali.

Indirizzaw lill-mistiedna l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-On. Clifton Grima, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur l-On. Julia Farrugia Portelli, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, u d-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella.

Fid-diskors tiegħu, l-On. Grima enfasizza li l-qari huwa wieħed mill-pedamenti tal-edukazzjoni u huwa għalhekk li parti mir-responsabbiltà tas-settur edukattiv hija li jkun imħeġġeġ il-qari minn età bikrija. Irrefera wkoll għall-element multidimensjonali tal-Festival, meta qal li mal-kitba hemm ukoll “ix-xogħol kbir tal-illustrazzjoni, filwaqt li l-kitba hija wkoll il-bażi taċ-ċinematografija, tat-teatru u oqsma oħrajn li jagħmlu din id-dinja letterarja waħda interessanti u rikka”.

L-On. Julia Farrugia Portelli tkellmet dwar diversi pubblikazzjonijiet li għadu kif nieda l-Ministeru, kif ukoll irreferiet għall-Istrateġija Nazzjonali għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà 2021-2030.

Is-Sa Cauchi rrimarkat li l-Kunsill Malti għall-Arti onorat li qed jerġa’ jaħdem mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bil-għan komuni li l-artisti jingħataw kull opportunità biex xogħolhom jiġi apprezzat, u dan skont il-prijoritajiet fl-Istrateġija2025 għal apprezzament wiesa’ tal-arti. Sostniet li azzjoni prinċipali mill-qasam strateġiku tal-edukazzjoni u l-iżvilupp hi s-sinerġija akbar bejn il-Ministeru responsabbli mill-Kultura u l-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jiġi ffaċilitat approċċ li jinvolvi networks, sħubiji u investimenti fir-riżorsi.

Min-naħa tiegħu Camilleri rrefera għat-tema tal-Festival #kotbakitbauaktar, li tlaqqa’ l-letteratura ma’ forom artistiċi oħra bħall-mużika, it-teatru u l-films.

Qal li l-avveniment sab postu fil-kalendarju kulturali Malti, u jfisser ħafna kemm għall-iżvilupp edukattiv u kulturali tal-Maltin għax jippromwovi aktar kotba fid-dar, u anki għall-pubblikaturi li qed isaffqu wiċċhom ma’ sfidi fil-produzzjoni tal-ktieb – kemm mill-aspett ta’ spejjeż tal-karta kif ukoll mill-aspett lingwistiku minħabba li l-Malti mhuwiex jgħaddi għand iż-żgħar.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir bejn l-Erbgħa 18 u l-Ħadd 22 ta’ Ottubru f’dal-ħinijiet: l-Erbgħa u l-Ħamis mid-9am sas-1pm u mill-5pm sad-9pm; il-Ġimgħa mid-9am sas-1pm u mill-5pm sal-10pm; is-Sibt mid-9:30am sal-10pm; u l-Ħadd mid-9:30am sat-8pm.

Il-programm sħiħ tal-attivitajiet tista’ ssibu hawnhekk. Għall-aħħar aġġornamenti ibqa’ segwi s-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, jew il-paġna Facebook tal-KNK u tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article