Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed ħabbar ir-riżultati tal-Fond għall-Adattament Ċinematografiku 2021. Il-fond bijennali kien tnieda f’Lulju tal-2019 bil-għan li jippromwovi x-xogħlijiet letterarji Maltin bis-saħħa ta’ produzzjoni ta’ film ibbażat fuq rumanz rebbieħ jew finalist tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Dal-fond ikopri l-aspetti kollha fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ proġett wieħed rebbieħ, sa massimu ta’ allokazzjoni finanzjarja ta’ €200,000.

Il-kumpanija awdjoviżiva Take Two se tkun qed tirċievi l-fond biex tipproduċi film adattat minn Castillo ta’ Clare Azzopardi (Merlin Publishers, 2018), li kien finalist tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019 fil-kategorija tar-rumanzi. Il-proġett se jitmexxa minn Abigail Mallia.

Fil-ġudizzju tiegħu l-bord aġġudikattiv indipendenti, magħmul minn Rebecca Anastasi, Kenneth Scicluna u Andrei Vella Laurenti, innota li l-proġett sottomess minn Take Two se jersaq lejn il-materja prima testwali b’mod li hu sensittiv kemm tematikament kif ukoll narrattivament, u li l-applikazzjoni tagħti kont ta’ deċiżjonijiet viżwali li għandhom joħolqu mill-ġdid id-dinja tar-rumanz.

Il-Fond għall-Adattament Ċinematografiku tal-KNK kien miftuħ għall-appliklazzjonijiet mis-17 ta’ Mejju sat-30 t’Awwissu 2021, u l-applikanti eliġibbli kienu mistiedna jippreżentaw il-proġett tagħhom lill-bord aġġudikattiv f’Settembru. Applikazzjoni eliġibbli waħda daħlet għal din l-edizzjoni tal-fond. Sal-aħħar tas-sena l-benefiċjarju tal-fond se jintalab jidħol f’kuntratt mal-KNK għall-produzzjoni tal-film.


Share Article