F’sena li fiha esperjenzjajna xkiel biex niċċaqilqu u restrizzjonijiet fuq ħruġ mid-dar, il-kotba akkwistaw importanza aktar mis-soltu għax bis-saħħa tagħhom taffejna l-iżolazzjoni, skoprejna interessi ġodda, u stajna nistimulaw lil moħħna u l-kreattività. Għall-Jum Dinji tal-Kotba u d-Drittijet il-Kunsill Nazzjonal tal-Ktieb (KNK) qed jagħti b’donazzjoni numru ta’ liċenzji tal-ebooks lil Malta Libraries fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ servizz ġdid ta’ ebooks bil-Malti li se jibdew jipprovdu.

Malta Libraries illum se tniedi servizz ta’ ebooks b’xejn li fih ukoll pubblikazzjonijiet bil-Malti. Biex nissapportjaw din l-inizjattiva, il-KNK ta b’ € 2,000 liċenzji ta’ ebooks mingħand Octavo li se jissarrfu f’xahrejn tniżżil bla limitu ta’ ebooks miżjuda ma’ dawk fil-kuntratt ta’ Malta Libraries ma’ Octavo. Is-servizz jista’ jitgawda minn dawk kollha li għandhom il-kard ta’ Malta Libraries, speċjalment dawk li jfittxu ebooks bil-Malti. Barra das-servizz, Malta Libraries joffru anki aċċess b’xejn għal ebooks bl-Ingliż u b’lingwi oħra mill-app tal-qari Libby.

B’das-servizz Malta Libraries u Octavo qed jissapportjaw l-awturi lokali bis-saħħa tal-iskema tal-Jeddijiet tas-Self Pubbliku (PLR), introdotta mill-KNK fl-2014, li l-kotba tagħhom – kemm dawk diġitali u kemm dawk mitbugħin – jissellfu mil-libreriji pubbliċi madwar Malta u Għawdex. Minn Jannar ta’ dis-sena żdiedu ma’ dawn dawk l-awturi li l-kotba tagħhom jissellfu mil-Librerija tal-Università ta’ Malta.

Irridu niżguraw li l-messaġġ għal dal-jum speċjali jkun wieħed pożittiv, u allura ngħaqadna ma’ Lovin Malta u ħejjejna filmat promozzjonali li jfakkar fl-importanza kruċjali tal-qari u fil-ġnien tal-pubblikazzjonijiet Maltin, sija bil-Malti u sija bl-Ingliż. Tista’ tara l-filmat fuq il-paġna tal-Facebook tal-KNK, b’Sam Vassallo u Rachelle Deguara li rħewlha għat-toroq tal-Belt jistaqsu lin-nies dwar xi jħobbu jaqraw, il-kotba favoriti tagħhom u x’qed jaqraw bħalissa, u anki jagħtuhom pubblikazzjonijiet lokali bħala rigal.

Dal-filmat, l-aktar wieħed riċenti minn sensiela, huwa parti mit-tħabrik tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb immirat biex jiġi promoss ix-xogħol tal-awturi Maltin, tiġi inkuraġġuta kultura ta’ qari, u nħeġġu fiż-żgħar l-imħabba għal-letteratura. Fil-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet, imma anki s-sena kollha, għandna nħarsu lejn il-pubblikazzjonijiet Maltin bħala għodda biex insiru nafu aħjar lil xulxin, insaħħu l-komunitajiet, u nikkomunikaw mal-kittieba lokali li qed ikunu strumentali biex ir-riċerka u l-espressjoni kreattiva jibqgħu ħajjin.

Il-Jum Dinji tal-Ktieb u d-Drittijiet tal-Awtur huwa organizzat mill-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNESCO).

Fir-ritratt mix-xellug għal-lemin: Simona Cassano (Direttur – KNK), Audrey Cassar (Direttur – Octavo), Josè Herrera (Ministru għall-Kultura), u Cheryl Falzon (CEO – Malta Libraries)


Share Article