Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta donazzjoni kbira ta’ kotba lil Malta Libraries. Fost l-oħrajn ingħataw kotba għat-tfal, l-adolexxenti u l-kbar li jinkludu wħud mill-aqwa titli li wieħed jista’ jsib fi djar ta’ pubblikazzjoni varji f’Malta, fosthom il-finalisti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019, kif ukoll il-pubblikazzjonijiet ta’ mistiedna speċjali tal-Kunsill f’festivals li jiġu organizzati.

Id-donazzjoni fiha għażla varjata ta’ rumanzi oriġinali u tradotti għall-kbar u ż-żgħażagħ, poeżija, kotba oriġinali u tradotti għat-tfal, xogħlijiet ta’ għamla akkademika, storjografika, bijografika, ta’ riċerka ġenerali u aktar. Il-kotba huma kemm bil-Malti u bl-Ingliż, iżda anki b’lingwi oħra bħall-Franċiż, it-Taljan u l-Ġermaniż.

Kull sena l-KNK jagħti għotjiet sinjifikanti lil Malta Libraries bil-għan li dawn jitqassmu fil-libreriji pubbliċi f’Malta u f’Għawdex u b’hekk nippromwovu dejjem aktar kultura ta’ qari, riflessjoni u ħsieb kritiku.

Id-donazzjoni ġiet ippreżentata lil Margaret Zammit minn Malta Libraries, li hija d-Deputat Librara Nazzjonali, minn Simona Cassano, Maniġer Anzjan tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Aktar għotjiet huma ppjanati għas-sena l-ġdida.


Share Article