Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb illum għadda numru kbir ta’ kotba li se jmorru fil-librerija tal-Faċilità Korrettiva tal-CoRRS (Centre of Residential Restorative Services) fl-Imtaħleb.

Il-kotba jvarjaw minn rumanzi, poeżiji u novelli bil-Malti u b’bosta lingwi oħra bħat-Taljan, il-Franċiż, l-Ispanjol u l-Ġermaniż, sa kotba oħra dwar il-politika, il-filosofija, l-edukazzjoni, l-istudji soċjali, l-arti u suġġetti oħra b’lingwi differenti.

Il-preżentazzjoni tal-għotja saret lill-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries, Cheryl Falzon, li issa se tgħaddi l-kotba lill-faċilità.

Parti importanti mill-missjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb hi li jassigura li libreriji pubbliċi u oħrajn ta’ entitajiet importanti f’Malta jkollhom l-aħjar kotba possibbli u addattati għan-nies li jużawhom. Huwa għalhekk li minbarra donazzjonijiet individwali bħal din tal-lum, kull sena nagħtu ammont kbir ta’ kotba lil Malta Libraries biex jitqassmu fil-libreriji pubbliċi kollha ta’ Malta u Għawdex.

 

Gallery
close

Share Article