Wara laqgħat ta’ konsultazzjoni estensivi li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kellu mal-awturi lokali aktar kmieni dis-sena, issa wasalna fil-punt li nippreżentaw l-Abbozz tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba bil-għan li niggarantixxu d-drittijiet ekonomiċi bażiċi u minimi għall-kittieba u l-awturi f’Malta. Dan huwa l-ewwel pass għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Diġitali.

Bħala awtur ta’ ktieb jew kotba ppubblikati, il-KNK qed jistiednek tissapportja din l-inizjattiva u jintefa’ vot dwar l-abbozz imsemmi, waqt Kungress Nazzjonali tal-Kittieba li se jitlaqqa’ nhar is-Sibt, 14 ta’ Settembru fl-10am, fil-Grand Hotel Excelsior il-Furjana, Triq l-Assedju l-Kbir.

Dan hu avveniment tal-ewwel tip tiegħu, fejn se jkollok l-awturi kollha jiltaqgħu flimkien biex jaħdmu favur id-drittijiet ekonomiċi tagħhom, fosthom id-dritt li jitħallsu b’mod ġust ta’ xogħolhom, u għalhekk inti mħeġġeġ biex tattendi għal dan l-avveniment storiku.

Biex tipparteċipa f’dan il-Kungress trid tirreġistra, u biex tagħmel dan wieġeb lura fuq dan l-imejl b’ismek u n-numru tal-Karta tal-Identità. Il-Kunsill jinfurmak li rċieva l-imejl tiegħek.

Kull kittieb li jinsab fil-lista tal-Jeddijiet tas-Self Pubbbliku (PLR) huwa awtomatikament eliġibbli biex jivvota, u min mhuwiex f’dil-lista wkoll se jkollu vot, biss irid jipprovdi n-numru tal-ISBN ta’ mqar wieħed mill-kotba tiegħu jew tagħha. Din l-informazzjoni tista’ tintbagħtilna mal-informazzjoni biex tirreġistra mitluba hawn fuq.

Il-kittieba li jirreġistraw għandhom id-dritt li jippreżentaw mozzjonijiet lill-Kungress. Dan jista’ jsir sa tlitt ijiem qabel il-Kungress, jiġifieri sal-Erbgħa 11 ta’ Settembru, bil-miktub lil Andrew Ricca, jew b’imejl fuq andrew.ricca@ktieb.org.mt jew bil-posta f’dan l-indirizz: Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Librerija Ċentrali Pubblika, Triq Prof. Joseph J. Mangion, il-Furjana, FRN 1800.

Wara l-Kungress ikun hemm riċeviment.

Tista’ taċċessa l-Abbozz tad-Drittijiet Ekonomiċi tal-Kittieba minn hawnhekk.


Share Article