Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta’ Malta (KNK) se jkun preżenti fil-Fiera tal-Ktieb fil-Kajr għat-tnedija ta’ żewġ kotba Maltin minn pubblikaturi Għarab ewlenin. Il-kotba huma t-traduzzjonijiet għall-Għarabi ta’ Jutta Heim ta’ Immanuel Mifsud, rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fil-kategorija tal-proża, u L-Eżodu taċ-Ċikonji ta’ Walid Nabhan, li fl-2017 ingħata l-Premju Ewropew għall-Letteratura. Jutta Heim ġie ppubblikat bl-Għarbi mill-pubblikaturi Eġizzjani Masr El Arabia. Il-pubblikaturi Libaniżi magħrufa Arab Scientific Publications (ASP) ipproduċew it-traduzzjoni Għarbija ta’ L-Eżodu taċ-Ċikonji.

It-tnedija ta’ Jutta Heim se ssir f’Al Mahrousa Centre (Salah Salem Area) fil-5pm nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Frar fil-presenza tal-awtur, Immanuel Mifsud, u rappreżentanti tal-KNK. Ir-rumanz jirrakkonta l-istorja ta’ Erik Xerri, artist li jsegwi l-karriera tiegħu anke akkost tal-integrità personali u artistika tiegħu. Il-konsegwenzi ta’ dan fuq Xerri u r-relazzjonijiet familjari u amorużi tiegħu jitqiegħdu taħt il-lenti mill-awtur bħala sintomi ta’ ħajja fqira.

L-awtur, Immanuel Mifsud, irċieva ħafna premjijiet letterarji matul il-karriera tiegħu. Fl-2011 ingħata l-Premju Ewropew tal-Letteratura għar-rumanz tiegħu F’isem tal-Missier u tal-Iben. Huwa ngħata wkoll il-premju tal-Ktieb Nazzjonali għall-kotba tal-poeżija tiegħu Penelope Tistenna u Ħuta. Ħafna mill-prosa tiegħu ġiet tradotta f’diversi lingwi, inklużi l-Ingliż, il-Franċiż, ir-Rumen u l-Ġermaniż. Jutta Heim hija l-ewwel traduzzjoni tax-xogħol ta’ Mifsud għall-Għarbi.

It-tnedija ta’ L-Eżodu taċ-Ċikonji bl-Għarbi ser iseħħ fl-istand tal-Arab Scientific Publishers (Building Site 19, Arab Publishers Pavilion) nhar is-Sibt 3 ta’ Frar fit-2 pm. L-Eżodu huwa l-istorja ta’ immigrant Palestinjan li għex f’Malta għal għexieren ta’ snin mingħajr ma qatt ma seta’ jifdi lilu nnifsu mill-memorji tal-ħajja iebsa u vjolenti li għex bħala refuġjat f’Amman, il-Ġordan. Il-moviment narrattiv jaqleb bejn il-preżent attwali (il-ħajja tiegħu bħala immigrant f’Malta) u d-dinja Għarbija bit-taqlib passat u preżenti tagħha, li taf tilħqu kullimkien, ikun fejn ikun.

Walid Nabhan huwa kittieb Malti ta’ oriġini Palestinjana. Kiber f’ċentru tar-refuġjati f’Amman. Huwa ppubblika kotba tal-poeżija u ġabra ta’ stejjer qosra. L-Eżodu taċ-Ċikonji huwa l-ewwel rumanz tiegħu. Fl-2017 ppubblika t-tieni rumanz tiegħu, L-Iżvijati. Nabhan huwa vuċi unika fix-xena letterarja kontemporanja peress li huwa l-ewwel awtur Malti importanti li ma jitkellemx bil-Malti bħala l-ewwel lingwa tiegħu.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jistieden lill-membri kollha tal-istampa u lil dawk kollha li ser ikunu qed iżuru l-Fiera tal-Ktieb fil-Kajr biex jattendu t-tnedija ta’ dawn kotba fil-postijiet u d-dati msemmija hawn fuq.

 


Share Article