L-edizzjoni 2021 tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – Il-Ħanut tal-Kotba se tkun pjattaforma unika għal avvenimenti li fihom se jiġu mweġġha awturi lokali li qed jagħtu kontribut siewi lil-letteratura fuq livell nazzjonali. Fost il-mistednin lokali fil-Festival, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) se jkun jixħet id-dawl fuq awturi rebbieħa ta’ premji letterarji varji bħal Trevor Żahra, Immanuel Mifsud, Loranne Vella u Walid Nabhan. It-tnejn tal-aħħar se jipparteċipaw fi tnedijiet ta’ kotba minn tagħhom maqlubin f’ilsna oħra. Bħalma ġara fis-snin ta’ qabel, dawn l-attivitajiet jipprovdu lill-pubbliku ċans sabiex jiltaqgħu ma’ dawn l-awturi rinomati u jiskopru x-xogħol tagħhom.

Trevor Żahra

Il-KNK se jiċċelebra l-ħajja ta’ Trevor Żahra, ir-rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura 2020. Tul karriera letterarja twila mimlija kontribuzzjonijiet importanti għal-letteratura lokali, Żahra ppubblika aktar minn 130 ktieb, u huwa sinonimu wkoll mal-kotba tat-tfal, iżda mhux biss. Mal-medda taż-żmien kiteb bla waqfien għall-adolexxenti u l-adulti, l-aktar bil-ġeneru tan-novella. Dan jagħmlu l-aktar awtur rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb li jsorr premji letterarji oħra.

Il-KNK se juri għall-ewwel darba dokumentarju qasir dwar il-karriera distinta ta’ Trevor Żahra nhar is-Sibt 6 ta’ Novembru fid-8:45pm. Wara l-film ikun hemm diskussjoni li tinkludi lil Richard Zahra, Chris Gruppetta, Leanne Ellul u lil Żahra nnifsu. Il-film sar minn Motion Blur.

Immanuel Mifsud

Immanuel Mifsud rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bosta drabi għan-novelli, ir-rumanzi u l-kotba tal-poeżija, u l-kotba tiegħu nqalbu f’diversi lingwi oħra. Bir-rumanz Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) Mifsud kien l-ewwel Malti li rebaħ il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura, u minn dakinhar dal-ktieb inqaleb għall-Ingliż minn Parthian u għall-Franċiż minn Gallimard, fost lingwi oħra. L-aktar xogħlijiet riċenti ta’ Mifsud huma l-ġabra ta’ poeżija Madwar Sagħtejn u nofs ’il bogħod mill-Ġenna (Klabb Kotba Maltin, 2019), u l-ġabra ta’ novelli kkargati politikament L-Aqwa Żmien (Klabb Kotba Maltin, 2019).

Mifsud se jipparteċipa fil-Festival waqt skambju letterarju mal-awtur ċelebri ta’ Trainspotting Irvine Welsh, li huwa l-mistieden internazzjonali tal-Festival. Il-konverżazzjoni, nhar il-Ħamis 4 ta’ Novembru fis-7:30pm, se tkun immoderata minn Mark Vella u se tfittex li jinħoloq spazju li fih tiġi diskussa l-influwenza dinjija ta’ Welsh, partikularment l-iżviluppi li seħħew fil-letteratura Maltija meta din imxiet lil hinn mid-dinja letterarja Anglo-Amerikana.

Loranne Vella u Walid Nabhan: Il-letteratura Maltija li tivvjaġġa

Loranne Vella hija kittieba, traduttriċi, u performer Maltija bbażata fi Brussell. L-ewwel darba li dehret bħala awtriċi kienet bil-pubblikazzjoni tat-triloġija Il-Fiddien (Merlin Publishers, 2007, 2008, 2009), li kienet kitbet ma’ Simon Bartolo għall-qarrejja żgħażagħ. Ir-rumanz fantaxjentifiku tagħha Rokit (Merlin Publishers, 2017) – storja dwar iż-żmien, l-ispazju, l-għeruq familjari, ir-revoluzzjoni, u fl-aħħar mill-aħħar it-tama – rebħet bih il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2018. L-aktar ktieb riċenti tagħha huwa l-ġabra ta’ novelli mill-bieb ‘il ġewwa (Ede Books, 2019), li jistieden lill-qarrej iħares fir-realtajiet ġewwinin u sigrieti ta’ bosta karattri billi josserva dawk l-azzjonijiet ta’ kuljum li filwaqt li jaħbu min aħna, jixfuna wkoll.

Bil-għajnuna tal-KNK, id-dar tal-pubblikazzjoni bbażata f’Londra Praspar Press se jniedu t-traduzzjoni Ingliża ta’ dil-ġabra ta’ novelli li semmejna, bit-titlu What will it take for me to leave. Il-ktieb se jkun ippreżentat waqt il-Festival mill-edituri u kofundauri ta’ Praspar Press Kat Storace u Jen Calleja waqt diskussjoni ma’ Loranne Vella s-Sibt 6 ta’ Novembru fil-5pm.

Walid Nabhan huwa awtur Palestinjan imwieled il-Ġordan, li rċieva l-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura fl-2017 bir-rumanz tiegħu L-Eżodu taċ-Ċikonji (Klabb Kotba Maltin, 2013). Ir-rumanz jieħu x-xeħta ta’ storja semi-awtobijografika dwar il-miżerja tal-ħajja tar-refuġjati Palestinjani, u b’mod usa’ l-immigrazzjoni u l-ħasda mill-għeruq tal-ħajja. Nabhan ilu jgħix Malta mill-1990, u ppubblika għadd ta’ ġabriet ta’ novelli fosthom l-aktar riċenti Bejn Bejnejn (Klabb Kotba Maltin, 2019). Il-kitba tiegħu dehret f’bosta perjodiċi u pubblikazzjonijiet letterarji, anki fi traduzzjoni.

Nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Novembru fil-5:30pm waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – Il-Ħanut tal-Kotba Peter Owen Publishers se jniedu The Exodus of the Storks, l-ewwel traduzzjoni għall-Ingliż tar-rumanz L-Eżodu taċ-Ċikonji, maqlub minn Albert Gatt. Għat-tnedija Nabhan se jingħaqad mad-Direttur Maniġerjali ta’ Peter Owen Publishers, Nick Kent, u Prof. Adrian Grima li se jimmodera d-diskussjoni.

Għal aktar informazzjoni żur il-paġna tal-Facebook Malta Book Festival 2021 – The Bookshop Edition jew is-sit tal-KNK. Minn hawnhekk tista’ tirreġistra għall-avvenimenti li jogħġbuk – idħol fid-deskrizzjoni ta’ kull avveniment biex tirreġistra.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – Il-Ħanu tal-Kotba 2021 se jseħħ bejn l-Erbgħa 3 u l-Ħadd 7 ta’ Novembru f’dawn il-ħinijiet: l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa mid-9am sas-1pm u mill-5:30pm sad-9:30pm, is-Sibt mid-9:30am sal-10:30pm, u l-Ħadd mit-8:30am sat-8pm.


Share Article