Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bi pjaċir qed iħabbar li l-mistieden għall-edizzjoni ta’ dis-sena tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa Sir Salman Rushdie – wieħed mill-aktar kittieba ċelebri ta’ żminijietna. Meqjus provokaur brillanti, kittieb ta’ numru ta’ rumanzi li llum saru klassiċi letterarji, influwenzatur ta’ ġenerazzjoni ta’ kittieba, u onorat bil-Kavallerat tar-Reġina “għas-servizz lil-letteratura”, Rushdie jista’ jitqies kemm bħala ikona tal-kultura pop u anki bħala wieħed mill-aktar xbihat kellemija tal-libertà tal-kelma.

Ir-rumanzi ta’ Rushdie dejjem intlaqgħu b’antiċipazzjoni u tifħir u jinkludu The Satanic VersesThe Moor’s Last SighThe Ground Beneath Her Feet u The Enchantress of Florence. L-aktar rumanz riċenti tiegħu, Quichotte, intlaqa’ bl-istess mod: fil-fatt ġie inkluż fil-lista tal-aktar kotba moqrija tal-2019 fit-TIME, u wieħed mill-aqwa kotba tal-2019 skont The Financial Times – li qalu hekk dwar ir-rumanz “brillanti…ktieb jidħol kexxun f’daż-żminijiet ta’ konfużjoni transkontinentali”. Quichotte kien ukoll finalist tal-Premju Booker 2019.

Bħala kittieb eklettiku u intellettwali pubbliku Rusdhie rebaħ bosta mill-aqwa premji letterarji. Għax-xogħol ewlieni tiegħu ta’ natura maġika-reali, Midnight’s Children, rebaħ il-Premju Booker fl-1981, u aktar tard il-Best of the Booker. Ir-rumanz ġie addattat għall-film mid-direttur Deepa Mehta li kien nominat fl-Academy Awards. Sir Salman Rushdie huwa wkoll l-awtur tat-tifkira awtobijografika Joseph Anton. Il-ktieb tiegħu Luka and the Fire of Life huwa rumanz tat-tfal u jikkumplimenta r-rumanz l-ieħor Haroun and the Sea of Stories. Rumanz riċenti ieħor hu Two Years Eight Months and Twenty-Eight Nights li kiser rekords tal-bejgħ ta’ New York Times, bħalma ġara b’The Golden House. Rushdie kien president ta’ The PEN American Centre, l-eqdem organizzazzjoni fid-dinja tad-drittijiet tal-bniedem.

Fi djalogu ma’ Alfred Sant

Rushdie se jkun qed jiltaqa’ fi djalogu ma’ Dr Alfred Sant waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020. Sant, xbiha ċentrali tal-Letteratura Maltija, għandu warajh karriera letterarja distinta u kiteb xogħlijiet ewlenin li jvarjaw minn rumanzi sa novelli, drammi u kitbiet awtobijografiċi. Dr Sant rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ħames darbiet f’kategoriji differenti u rebaħ il-Premju tal-KNK għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba fl-2019. Bejn l-1996 u l-1998 kien il-Prim Ministru ta’ Malta, u fl-2014 u l-2019 kien elett Membru tal-Parlament Ewropew.

L-ewwel rumanz tiegħu, L-Ewwel Weraq tal-Bajtar (1968) Sant kitbu meta kellu 19-il sena, u jitqies bħala punt ta’ tluq għar-rumanz kontemporanju fil-letteratura Maltija. Rumanzi importanti oħra huma Silġ fuq Kemmuna (1982), issettjat fis-sebgħinijiet, u La Bidu, La Tmiem – 1599 (2001), epika storika li tfaħħret għall-kapaċità tal-awtur li jġannat flimkien punti di vista politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali filwaqt li ma jerħix milli jindirizza l-qagħda enigmatika tal-eżistenza umana (Mario Azzopardi, Times of Malta). Sant huwa wkoll drammaturgu rinomat, u l-aktar xogħol riċenti tiegħu f’din l-għalqa hu Balzunetta Towers (2017). Dad-dramm, imtella’ bħala parti mill-programm tal-Belt Valletta Kapitali Ewropea 2018, ħadha qatta bla ħabel kontra l-ossessjoni bil-bini li għandna f’dil-gżira u l-ħakma li għandhom il-flus fuq il-klassi politika tagħna.

Id-diskussjoni bejn Salman Rushdie u Alfred Sant, li se tiffoka fuq il-kisbiet, l-influwenzi u t-tħassib kurrenti ta’ dawn iż-żewġ kittieba kbar u l-ambjent kulturali tagħhom, se tkun immoderata minn Prof. Clare E Vassallo, Professur Assoċjat tas-Semjotika u l-Istudji tat-Traduzzjoni fl-Università ta’ Malta. Id-diskussjoni tixxandar online l-Erbgħa 11 ta’ Novembru fis-7pm.

Sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba mar-rebbieħ tal-Premju Booker

L-għada, il-Ħamis 12 ta’ Novembru, Sir Salman Rushdie se jkun qed jitkellem direttament ma’ studenti u qarrejja mill-pubbliku ġenerali f’forma ta’ sessjoni diġitali ta’ mistoqsija u tweġiba. Biex kemm jista’ jkun l-avveniment iżomm spirtu ta’ skambju dirett, in-numru ta’ parteċipanti qed jiġi limitat għal 40. Dawk interessati li jibbukkjaw post għas-sessjoni għandhom jissottomettu mistoqsija li jixtiequ jsaqsu lil dawn l-awtur rebbieħ tal-Premju Booker – aktar kemm il-mistoqsija tkun interessanti aħjar iċ-ċans li tintqal lill-kittieb. Ibagħtu l-mistoqsija b’imejl lil michael.mercieca@gov.mt sal-31 ta’ Ottubru 2020 bit-titlu tal-imejl ‘MBF2020 Q&A’ flimkien mal-isem u l-kunjom. Is-sessjoni diġitali ta’ mistoqsija u tweġiba qed tkun organizzata f’ħidma mad-Dipartiment tal-Ingliż fl-Università ta’ Malta.

Il-programm sħiħ tal-attivitajiet tal-edizzjoni virtwali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb (11-15 Novembru) ikun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Għal aktar aġġornamenti żur dan is-sit u il-paġna tal-Facebook tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Krettu għar-ritratt ta’ Salman Rushdie: Syrie Moskowitz

 

 


    Share Article