Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) nieda l-programm tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022, waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Bibljoteka Nazzjonali l-Belt, li għaliha attendew il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-On. Clifton Grima, u l-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri.

Il-programm fih aktar minn mitt attività mqassmin fuq ħamest ijiem, bejn l-Erbgħa 23 sal-Ħadd 27 ta’ Novembru. L-attivitajiet se jsiru kollha fi swali apposta fl-MFCC, Ta’ Qali, u jvarjaw minn xows u attivitajiet għall-familja u t-tfal tal-iskola, sa tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, qari animat, taħditiet tematiċi u laqgħat bejn il-pubbliku u l-professjonisti fil-qasam. Id-dħul għall-Festival u għal kull attività huwa b’xejn.

Il-programm tal-attivitajiet tista’ taċċessah hawnhekk.

Fid-diskors tiegħu, Camilleri rrimarka li l-programm kulturali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-frott ta’ kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra, li ssarfet fi programm li jolqot lill-kbar, liż-żgħażagħ u liż-żgħar. Fost l-oħrajn, issemmew dawn il-ħidmiet:  mal-Kunsill Malti għall-Arti sabiex tiġi kkurata l-esebizzjoni From Illustration to Book; ma’ Żigużajg sabiex jittellgħu xows ibbażati fuq ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka 2022; u mal-Fondazzjoni Inspire biex tkun immaniġġjata kamra sensorja għal tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Irrefera wkoll għall-element internazzjonali tal-programm, li dis-sena se jilqa’ ’l-kittieb ċelebri John Boyne, l-awtur ta’ The Boy in the Striped Pyjamas, u lill-kartunist-ġurnalist Joe Sacco, irrispettat internazzjonalment għall-ġurnaliżmu li jirrapporta bis-saħħa tal-komiks u meqjus ukoll bħala wieħed mill-aqwa f’dal-ġeneru.

Min-naħa tiegħu, l-On. Grima qal li l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb din is-sena huwa mistenni ferm wara ż-żewġ edizzjonijiet ta’ qablu ta’ żmien il-pandemija. “Qed nieħu gost li din is-sena ż-żjarat tal-iskejjel qed jerġgħu jkunu parti integrali minn dan il-Festival. Is-sena li għaddiet kellna mat-3,000 student li żaru l-Festival, li kellu restrizzjonijiet minħabba l-pandemija. Din is-sena għandna 9,000 student ikkonfermat u din hija żgur aħbar sabiħa”. Sostna li rridu nkomplu naħdmu biex inrawmu l-imħabba tal-qari fid-diversi forom tagħha fost it-tfal minn età bikrija. Temm jgħid li s-settur tal-pubblikazzjoni qed jingħata l-importanza li jistħoqqlu u se tkompli l-ħidma biex l-awturi u pubblikaturi jkomplu jingħataw l-għajnuna u s-sostenn kollu li jeħtieġu.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb dis-sena se jittella’ bejn l-Erbgħa, 23, u l-Ħadd, 27 ta’ Novembru l-MFCC, Ta’ Qali. Għal aktar informazzjoni żur is-sit, il-paġna Facebook u Instagram tal-KNK, kif ukoll il-paġna Facebook tal-Festival.


Share Article