* b’finanzjament parzjali mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed iniedi l-Inizjattiva għall-Pubblikaturi, Awturi u Tradutturi minn Malta għal The London Book Fair 2023, li permezz tagħha tliet parteċipanti magħżula jirċievu sussidju fuq l-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni flimkien ma’ biljett tal-esebituri għal The London Book Fair 2023 li se tittella’ f’Olympia, Londra bejn it-18 u l-20 ta’ April. Flimkien ma’ dan, il-KNK qed joffri 20 biljett ta’ mistiedna għall-fiera li se jiġu allokati lill-partijiet ikkonċernati tal-KNK li japplikaw għalihom fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Din l-inizjattiva tfittex li tipprovdi pjattaforma għal dawk fl-industrija tal-pubblikazzjoni biex jibnu kuntatti u jipparteċipaw fis-suq tal-ktieb globali, kemm f’terminu qasir kif ukoll fit-tul.

Filwaqt li t-tkabbir tal-aċċessibbiltà għat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni renda lis-suq dinji aktar aċċessibbli għal ħafna partijiet, id-dħul f’dan is-suq għadu ta’ sfida għal kumpaniji żgħar jew indipendenti biex jistabbilixxu ruħhom fih. Il-KNK jirrikonoxxi l-isfida li l-pubblikaturi u awturi Maltin jiffaċċaw biex jinnavigaw fis-suq tal-pubblikazzjoni internazzjonali u impenjat biex irawwem suċċess fih. Bħala parti minn dan l-isforz, il-KNK qed joffri opportunità unika għall-pubblikaturi, tradutturi u awturi Maltin biex jibnu konnessjoni ma’ partijiet ewlenin fl-industrija waqt il-fiera msemmija. L-għan aħħari ta’ din l-inizjattiva hu li tgħin iżżid in-numru ta’ ftehimiet ta’ bejgħ tad-drittijiet, li b’hekk jiġġeneraw sors ġdid ta’ dħul għall-industrija tal-pubblikazzjoni lokali.

Id-data ta’ skadenza tal-applikazzjoni għal din l-inizjattiva hija t-28 ta’ Frar 2023.

Dwar il-Programm

Il-parteċipanti magħżula se jingħataw seminar online mill-KNK bi preparazzjoni għall-fiera. Temi bħall-ftehimiet ta’ bejgħ tad-drittijiet, l-irwol tal-aġenti u l-pitching se jiġu ttrattati, u l-parteċipanti se jirċievu pariri individwalizzati bbażati fuq ix-xogħlijiet imniżżla fl-applikazzjoni.

Bħala parti mis-sussidju, il-KNK se jibbukkja post għat-tliet parteċipanti magħżula biex jattendu l-konferenza ‘Introduction to Rights’ li se tittella’ nhar it-Tnejn, 17 ta’ April: https://www.londonbookfair.co.uk/en-gb/whats-on/conferences/intro-rights.html (valur ta’ £174 għal kull persuna – €195 ca.) Attendenza għal dan is-seminar hija obbligatorja bħala parti mis-sussidju totali.

L-applikanti magħżula u Maltin detenturi tal-biljett tal-fiera se jingħataw mixja ggwidata madwar il-fiera minn aġent letterarju u seminar ta’ sagħtejn waqt ikla li jispjega l-kunċetti tal-pitching ta’ ktieb, l-irwol ta’ aġent letterarju u l-bejgħ ta’ drittijiet barranin.

Bħala detenturi tal-badge tal-fiera, l-applikanti magħżula jkunu jistgħu jattendu kwalunkwe seminar, taħdita, tnedija ta’ kotba, u avvenimenti mal-awturi li se jittellgħu matul it-tlett ijiem tal-fiera. Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk: https://www.londonbookfair.co.uk/en-gb/whats-on/ seminar-programme/programme.html#/sessions

L-ispejjeż ta’ vjaġġar, akkomodazzjoni u l-istand

Il-KNK se jissussidja l-ispejjeż ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni għat-tliet parteċipanti minn Malta, li jistgħu wkoll jagħmlu użu mill-istand tal-KNK mingħajr ħlas, jirċievu biljetti bħala esebituri jew bħala mistiedna tal-fiera u jattendu l-konferenza ‘The Introduction to Rights’ imsemmija hawn fuq. Il-kotba proposti fil-formola tal-applikazzjoni se jiġu esebiti fl-istand tal-KNK.

L-eliġibbiltà

L-Inizjattiva għall-Pubblikaturi, Awturi u Tradutturi minn Malta għal The London Book Fair 2023 hija intenzjonata għall-pubblikaturi u awturi Maltin li għandhom id-drittijiet tax-xogħlijiet li jixtiequ jippiċċjaw fil-fiera. Jekk dawn id-drittijiet mhumiex inklużi fil-kuntratti tal-pubblikazzjoni oriġinali, il-pubblikatur u/jew l-awtur għandu jagħmel sforz biex jiffirmaw tali ftehimiet fil-forma ta’ addendum tal-kuntratt ta’ pubblikazzjoni jew tingħata prokura qabel il-fiera. Biex il-parteċipanti jkunu eliġibbli, irdiu l-ewwel jagħżlu l-kotba li jixtiequ jippiċċjaw u jkunu involuti b’mod attiv fl-esportazzjoni tal-letteratura Maltija.

Din l-inizjattiva se tiffinanzja massimu ta’ tliet applikanti. Is-sussidju sħiħ għal kull applikant huwa ta’ €700, għad-durazzjoni kollha tal-fiera, minn nhar it-Tnejn 17 sal-Ħamis 20 ta’ April. L-ammont jinkludi il-ħlas ta’ €195 għall-konferenza ‘Introduction to Rights’ tas-17 ta’ April, €505 għall-ispejjeż ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni, u żewġ biljetti tal-esebituri għal kull applikazzjoni. Dawk li se jiġu għal inqas żmien, is-sussidju tagħhom jiġi kkalkulat pro-rata. Ebda spejjeż oħra ma jistgħu jiġu ffinanzjati jew irrifondati. Jekk jogħġbok applika hawn: https://forms.gle/MKCoxqCP4xYdk9d79

Taħt din l-inizjattiva, se jingħataw ukoll 20 badge għall-mistiedna sabiex id-detenturi jkunu jistgħu jidħlu fil-fiera u jistgħu jinkisbu permezz ta’ applikazzjoni oħra li tinsab hawn: https://forms.gle/oBkWPc5dU7DWE2sd6. Dawn se jkunu allokati fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel.

Il-kriterja tal-għażla

Il-proċess ta’ għażla se jassessa r-reqqa tal-applikazzjoni u jibbaża fuq dawn il-kriterji:

  • l-istrateġija tal-applikant għall-parteċipazzjoni tiegħu fil-fiera, inkluż indikazzjoni ta’ modus operandi;
  • għanijiet f’terminu qasir u missjoni ġenerali tal-applikant, inkluż kuxjenza tal-punti b’saħħithom u dgħajfin relatati ma’ żjarat fil-passat, u eżerċizzji ta’ pitching li saru diġà;
  • pjan ta’ azzjoni biex jieħu li jista’ mill-parteċipazzjoni tiegħu fi preparazzjoni għaż-żjara, inkluż il-ksib ta’ drittijiet biex jippiċċja l-pubblikazzjoni bħala parti mill-kuntratt ta’ pubblikazzjoni jew prokura ffirmata mad-detentur tad-drittijiet.

Pagament

Il-ħlas ta’ €195 għall-konferenza ‘The Introduction to Rights’ se tkun imħallsa bil-quddiem mill-KNK. L-ispejjeż ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni se jitħallsu bħala rifużjoni wara preżentazzjoni tal-irċevuti tat-titjiriet u l-akkomodazzjoni. L-ammont sħiħ li jista’ jitħallas huwa ta’ €505 għad-durazzjoni kollha tal-Fiera, minn nhar it-Tnejn 17 sa nhar il-Ħamis 20 ta’ April, jew fuq bażi pro-rata f’każ li l-applikant idum anqas.

Rapport b’rispons fuq l-esperjenza, x’riżultati nkisbu u xi suġġerimenti jintalab biex jinqasam mal-KNK sal-31 ta’ Mejju 2023.


Share Article