Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-akbar ċelebrazzjoni tal-kultura letterarja f’Malta, u l-edizzjoni ta’ dis-sena se tressaq lejn il-pubbliku r-rikkezza u l-varjetà assoċjati mal-avveniment b’għadd ta’ attivitajiet li wħud minnhom jeħtieġ tinkiteb minn qabel għalihom.

Il-Festival ta’ dis-sena se jsir bejn l-Erbgħa 6 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali, u t-tema se tkun #dinjietjirrimaw – rifless tal-ġeneri letterarji differenti u, l-aktar importanti, tal-professjonisti dedikati li ta’ kuljum jistinkaw sabiex insibu l-kotba li nixtiequ fuq l-ixkaffa.

Il-viżitaturi tal-Festival jistgħu jattendu l-workshops u l-masterclasses li se jkopru aspetti differenti tal-proċess tal-pubblikazzjoni: mis-sengħa tal-kitba sal-arti tal-illustrazzjonijiet, mir-realtajiet tal-industrija tal-pubblikazzjoni sal-artiġjanat involut fl-illegar tal-kotba bl-idejn.

Hawn taħt issib lista sħiħa ta’ dawn l-attivitajiet li trid tinkiteb għalihom. Inħeġġuk ma tħallix għall-aħħar għax il-postijiet limitati!

Dinja ta’ Kitba: Masterclass ta’ Kitba Kreattiva ma’ Anthony Horowitz

Ingħaqad mal-awtur famuż Anthony Horowitz waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb għal masterclass dwar ir-rakkuntar tal-istejjer! Fannad fl-għarfien tiegħek tal-proċess tal-kitba, ikseb tekniki prattiċi, u ispira ruħek mill-kittieb bestseller tas-serje ta’ Alex Rider u r-rumanzi tad-ditektiv ta’ Sherlock Holmes, The House of Silk u Moriarty. Il-masterclass se jħares lejn l-ideat għall-plott, l-iżvilupp tal-karattri, id-djalogu, u d-differenza bejn il-kitba ta’ ktieb u l-kitba għat-TV. Wara jkun hemm sessjoni interattiva ta’ MuT mal-parteċipanti dwar aspetti varji tal-kitba.

Inkiteb hawnhekk

Żviluppa l-Finzjoni Tiegħek: Workshop ma’ Richard Skinner mill-Faber Academy

Irfina senegħtek fil-kitba fittizja b’dal-workshop li se jitmexxa minn Richard Skinner, id-Direttur tal-Finzjoni fl-Akkademja Faber, li se tiffoka fuq l-iżvilupp tal-karattri u rwol in-narratur. Jinġiebu eżempji minn kittieba famużi bħal Alice Munro, Andre Debus, Han Kang, u Julian Barnes. F’din is-sessjoni l-udjenza se jkollha ċ-ċans tiddjaloga ma’ Skinner f’MuT dwar l-istadji varji fl-editjar ta’ manuskritt qabel il-pass finali tal-pubblikazzjoni, l-importanza ta’ kapitlu tajjeb fil-bidu, u rwol l-aġenti letterarji fl-industrija tal-pubblikazzjoni.

Dal-workshop immirat għal udjenza adulta ta’ aktar minn 18-il sena.

Trid tibbukkja minn qabel; il-ħlas ta’ €20 jinkludi l-ikel u x-xorb. Limitat għal 15-il persuna.

Inkiteb hawnhekk

Mill-Abbozz għas-Suq: MuT mal-aġent letterarju Jonathan Lloyd (Curtis Brown)

Ingħaqad mal-aġent letterarju u l-president ta’ Curtis Brown, Jonathan Lloyd, għal dis-sessjoni eċċezzjonali ta’ MuT immoderata minn Kat Storace (Praspar Press). Ikseb għarfien imprezzabbli dwar il-pubblikazzjoni, mit-tfittxija għal aġent letterarju addattat għalik u kif taqta’ figura tajba miegħu. Dan l-avveniment hu miftuħ għall-kittieba Maltin li jiktbu bl-Ingliż. Irreġistra biex tilħaq post u ibgħat il-mistoqsijiet tiegħek minn qabel biex id-diskussjoni tkun waħda personalizzata.

Inkiteb hawnhekk

Speed Dating Letterarja

Tirritorna l-ispeed dating letterarja – kwarta ċans titkellem ma’ professjonisti fil-pubblikazzjoni waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Jaf tkun trid sempliċiment titkellem dwar il-letteratura, dwar il-ħiliet tal-kitba, jew dwar kwalunkwe suġġett ieħor li xtaqt issir taf dwaru imma dejjem qgħadt lura. Il-mistiedna huma: Simon Trewin (aġent letterarju), Joey Connolly (Direttur tal-Faber Academy), Loranne Vella u Joe Gatt (l-edituri ta’ Aphroconfuso), Kat Storace (traduttriċi u pubblikatur, Praspar Press), Glen Calleja (pubblikatur, Kotba Calleja), iċ-Chairperson tal-Letteratura fl-MEIA, Moira Scicluna Zahra (MCOI) u Ed Dingli (illustraturi), Nikki Petroni (Eżekuttiva tal-Edukazzjoni u l-Iżvilupp fil-KMA), u Matthew Borg (Manager Anzjan fil-KNK, Fond Malti tal-Ktieb).

Inkiteb hawnhekk

Minn Tema għal Illustrazzjoni: Workshop minn Ed Dingli (14+)

Ingħaqad mal-illustratur tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024 –  Ed Dingli –  għal workshop immirat għal parteċipanti minn 14-il sena ’l fuq dwar kif tittrasforma tema f’illustrazzjoni. L-udjenza se tkun mistiedna tħażżeż ma’ Ed biex tipprattika dak li tkun għadha kif semgħet rigward ideat, mapep mentali u kliem muftieħ. Dan il-workshop qed isir f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti.

Inkiteb hawnhekk

Mill-Kunċett għall-Animazzjoni: Ix-Xogħol ta’ Kyle Xuereb Cunningham għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Skopri t-traġitt kreattiv tal-moħħ wara l-materjal ta’ promozzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb tal-2023 u ta’ dis-sena: l-illustratur u animatur Kyle Xuereb Cunningham. Sir af x’jinkludi fih il-proċess tal-animazzjoni, mill-ħolqien tal-istoryboard sal-aħħar irtokki. Dis-sessjoni qed tittella’ b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti. Trid tirreġistra għal dan l-avveniment b’xejn.

Inkiteb hawnhekk

Introduzzjoni Prattika għal-Legatura tal-Kotba (Etajiet 8-12 u 14+): Workshop minn Glen Calleja

Ingħaqad mal-legatur, pubblikatur u awtur Glen Calleja għal workshop dwar is-sengħa tal-legatura tal-kotba.  Is-sessjoni tinkludi informazzjoni dwar tekniki artiġjanali, materjali u d-disinn kontemporanju tal-kotba. Il-parteċipanti jkollhom l-opportunità jmiddu jdejhom biex jagħmlu ktieb żgħir. Trid tinkiteb għal dis-sessjoni, u m’hemmx ħlas għaliha.

Workshop dwar il-Legatura tal-Kotba: Etajiet 8–12

Is-Sibt 9 ta’ Novembru 2024 bejn id-09:30 u l-11:00

Workshop dwar il-Legatura tal-Kotba: Età 14+

Is-Sibt 9 ta’ Novembru 2024 bejn il-11:30 u s-13:00

Inkiteb hawnhekk

Ingħaqad magħna għal ċelebrazzjoni dinamika tal-letteratura u l-kreattività waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024! Għal aktar informazzjoni u biex tibqa’ aġġornat, segwi s-sit www.ktieb.org.mt u l-paġna FB jew Instagram tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article