Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) għadu kif ippubblika tender pubbliku għas-servizz ta’ mmaniġġjar tad-ditta, id-disinn u l-marketing (jinkludi r-riċerka tas-suq) ibbażat fuq l-istrateġija tiegħu. Id-dettalji tat-tender jistgħu jiġu aċċessati minn fuq is-sistema elettronika tal-akkwisti pubbliċi (ePPS). Il-KNK iżomm kuntatt kontinwu mal-pubbliku bil-għan li jippromwovi l-letteratura Maltija lokalment u internazzjonalment, u billi jipprovdi servizzi varji lill-imsieħba fl-industrija tal-pubblikazzjoni. Jinforma regolarment lill-pubbliku dwar il-proġetti u l-inizjattivi ewlenin tiegħu (il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, il-Fond Malti tal-Ktieb, il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, eċċ.), u jmexxi kampanji ta’ marketing b’element viżiv b’saħħtu mmirati lejn id-diversi wċuh tal-industrija tal-pubblikazzjoni.

Għalhekk il-KNK qed ifittex li jingaġġa lil xi ħadd li jipprovdi s-servizzi tal-marketing sabiex jiżviluppa u jimplimenta kampanji effettivi li jirfdu u jippromwovu l-fondi, proġetti u inizjattivi tal-KNK. Il-fornitur tas-servizz ikun mistenni li joħroġ b’kampanji li jippreċedu l-proġett u b’inizjattivi li jtulu s-sena kollha.

Il-kumpanija li tieħu l-kuntratt mistennija tħejji d-disinji artistiċi u diġitali neċessarji li jikkorrispondu mal-kampanja li tkun. L-Espert tad-Disinn Grafiku mistenni jaħdem fuq skeda flessibbli matul il-ġimgħa li tkun tirrifletti x-xogħol meħtieġ fuq bażi ta’ ġimgħa jew xahar skont il-Pjan t’Azzjoni pprovdut, filwaqt li l-Kordinatur tal-Marketing u d-Disinn mistenni jaħdem mill-uffiċċji tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fuq bażi full-time flessibbli sabiex jikkordina strateġiji relatati mad-ditta, id-disinn u l-marketing tal-entità, kif ukoll jieħu ħsieb xi xogħol ta’ kuljum fl-uffiċċju.

L-informazzjoni kollha tista’ ssibha fuq https://www.etenders.gov.mt


Share Article