L-edizzjoni tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2020 se tkun waħda b’involviment internazzjonali aħjar mis-snin ta’ qabel. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ikkollabora mad-Dipartiment tal-Ingliż, id-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar, u d-Dipartiment tal-Filosofija mill-Università ta’ Malta u rnexielu jassigura l-parteċipazzjoni ta’ tliet mistiedna internazzjonali minn oqsma differenti. Dis-sena l-pubbliku se jkollu ċ-ċans li jsir jaf aktar mill-qrib lill-poeta u kittieb ta’ tifkiriet awtobijografiċi Amerikan Mark Doty, lit-teorista u skular tal-letteratura komparattiva Prof. Susan Bassnett u lil Enrico Panai li hu speċjalist fil-mod kif il-bniedem jinteraġixxi mal-informazzjoni.

Mark Doty huwa l-awtur ta’ disa’ kotba tal-poeżija u tliet memoirs. Uħud minn dawn il-kotba kienu bestsellers u rebbħuh unuri varji tul il-karriera letterarja tiegħu. Fost dawn hemm il-memoir bestseller Dog Years (2007), il-ġabra tal-poeżija Fire to Fire: New and Selected Poems (2008) li biha rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tal-Istati Uniti fl-2008, u l-ġabra ta’ poeżija My Alexandria (1993) li biha sar l-ewwel Amerikan li rebaħ il-premju letterarju Brittaniku T.S. Eliot. It-tieni memoir tiegħu, Firebird (1999), intlaqa’ tajjeb u ġie deskritt bħala dokument evokattiv dwar l-esperjenza żagħżugħa tal-omosesswalità fl-atmosfera Amerikana tal-baby boomers. Fi mkejjen oħra Doty tqabbel ma’ poeti bħal James Merrill, Walt Whitman u C.P. Cavafy minħabba l-eleganza u l-intelliġenza fil-versi tiegħu. L-aktar ktieb riċenti ta’ Doty huwa Deep Lane, ġabra ta’ poeżiji b’diversi temi li jidhru distanti, bħad-droga u l-ġardinaġġ, iżda li kollha jingħaqdu bħala riflessjoni fuq il-mortalità. Doty huwa Professur Distint fl-Università ta’ Rutgers.

Huwa se jkun impenjat f’attivitajiet differenti tul it-tlitt ijiem tal-Festival. L-Erbgħa 25 ta’ Marzu jingħaqad mad-drammaturgu Tyrone Grima u Marthese Formosa, li hija l-manager tal-proġett ‘Kitba Queer’ f’panel li se jiddiskuti l-letteratura queer; l-għada l-Ħamis Doty se jkun qed jitkellem dwar il-memoir ċelebri tiegħu Firebird waqt klabb tal-kotba ma’ studenti universitarji, liema sessjoni titmexxa minn Dr Mario Aquilina; u l-Ġimgħa se jiġi intervistat minn Prof. James Corby dwar ħajtu, xogħlu u l-karriera letterarja tiegħu. Aktar tard dakinhar Doty jingħaqad mal-artisti l-oħra waqt il-Palk Ħieles, organizzat minn Inizjamed, li se jkollu bħala tema ċentrali l-arti tal-protesta.

It-tieni mistiedna internazzjonali tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus hija l-Professur Susan Bassnett, li hija awtorità fid-dinja fil-qasam tat-teorija tat-traduzzjoni u l-letteratura komparattiva. Ippubblikat aktar minn 20 ktieb akkademiku u wħud minnhom baqgħu jiġu pprintjati minħabba li huma referenza essenzjali għal min jagħtiha għal dawn l-oqsma, fosthom Translation Studies u Comparative Literature. Fost l-oħrajn marret lil hinn mit-traduzzjoni bħala proċess lingwistiku billi esplorat it-traduzzjoni bħala att kulturali, u għalhekk ġibdet l-attenzjoni dwar jekk fil-verità huwiex ekwivalenti għall-oriġinal il-kliem tradott. Minn dit-teorija Bassnett għaddiet biex turi l-implikazzjoni tat-traduzzjoni għall-istudji tal-letteratura komparattiva, l-istudji postkolonjali u l-isfidi tal-globalizzazzjoni. Minbarra dawn, Prof. Bassnett ikkontribwixxiet ukoll fid-dibattiti kurrenti dwar il-femminiżmu, l-istudji teatrali, il-poeżija u l-kulturi Brittaniċi. Iż-żjara ta’ Prof. Bassnett kienet possibbli wara ħidma mad-Dipartiment tat-Traduzzjoni, it-Terminoloġija u l-Interpretar. Hija se tkun intervistata minn Prof. Clare Vassallo dwar l-iżvilupp tal-Istudji tat-Traduzzjoni fit-tmenijet u d-disgħinijiet nhar il-Ħamis 26 ta’ Marzu mill-10am sa nofsinhar.

 

L-aħħar mistiden internazzjonali li l-KNK, f’ħidma mad-Dipartiment tal-Filosofija, se jkun qed jippreżenta huwa Enrico Panai. Panai studja l-Filosofija tal-Informazzjoni u wara xi snin jaħdem bħala konsulent kien professur kumplimentarju tal-Umanitajiet Diġitali fl-Università ta’ Sassari. Fil-ktieb tiegħu Skip! The Art of Avoiding Projects Panai joffri soluzzjonijiet lill-kumpaniji, ibbażati fuq sejbiet xjentifiċi u eżempji mill-ħajja ta’ kuljum, biex dawn jimmassimizzaw kemm jistgħu mill-proġetti tagħhom. Il-ktieb jista’ jitqies manwal biex mil-lat organizzattiv kumpanija tevita proġetti ġodda li ma jiswewha għal xejn, u għalhekk Panai jifrex is-sodda għall-ekoloġija tal-proġetti. Il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu Francois Zammit se jkun qed jintervista lil Panai, biex fost l-oħrajn jiddiskutu dwar kif il-filosofija tista’ tiġi applikata għall-isfidi tal-lum.

Niżżel il-programm sħiħ minn hawn.

Il-ħinijiet tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus: l-Erbgħa 25 u l-Ħamis 26 mid-9am sal-4pm u l-Ġimgħa 27 ta’ Marzu mid-9am sa filgħaxija.

Għal aktar informazzjoni iktbu lil Matthew Borg (matthew.borg@ktieb.org.mt mill-KNK, lil Romario Sciberras ghaqdatalmalti@gmail.com mill-Għaqda tal-Malti – Università, lil Matthew Cilia desa.uom@gmail.com mid-DESA.

 


Share Article