L-awturi Leanne Ellul u Clare Azzopardi se jkunu qed jiddiskutu t-temi komuni fil-kotba tagħhom Gramma u Frejp, b’mod partikolari temi diffiċli bħall-anoressija u l-bullying, u d-diffikultajiet li kellhom biex jiktbu fuq dawn is-suġġetti.

L-avveniment se jittella’ l-Ġimgħa 23 ta’ Marzu fl-12.00 pm fuq il-quadrangle tal-Università, bħala parti mill-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti. Id-diskussjoni se tiffoka wkoll fuq kitba għaż-żgħażagħ fil-kuntest lokali.

Gramma ta’ Leanne Ellul jittratta t-tema tal-anoressija u s-sistema ta’ appoġġ (jew in-nuqqas tagħha) fis-soċjetà tagħna. Hi tesplora l-implikazzjonijiet tal-marda – it-telfa, it-tiftixa, il-ħarba. Fil-ktieb, l-anoressija tista’ titqies bħala skuża biex tiġi studjata l-kundizzjoni  umana.

Frejp ta’ Clare Azzopardi hi storja attwali li tittratta l-bullying fuq l-internet. Hi storja fuq ir-realtajiet tal-ħajja virtwali u s-social media, u l-generazzjoni imsejħa digital natives. Il-ktieb jesplora kulturi differenti ta’ zgħażagħ f’lingwaġġ li jistgħu jidentifikaw miegħu. Hu miktub fi stil mexxej, fejn l-istorja tmur lura u ‘l quddiem fiż-żmien.

Leanne Ellul tikteb prosa u poeżija għall adulti u t-tfal. Ix-xogħol letterarju tagħha kien ippublikat f’gazzetti, ġurnali u antoloġiji. Fost oħrajn hi rebħet il-Premju Francis Ebejer 2013 – l-iżgħar rebbieħa li qatt ħadet dan il-premju – b’dramm li ttella’ fit-Teatru Nazzjonali ta’ Malta. Hi rebħet ukoll il-Konkors Letterarju – Kitba għaż-Żgħażagħ. Waħda mill-istejjer tagħha hi parti mill-proġett Flash Europa 28.  Fl-2016 ingħatat il-premju għal Dik il-Kittieba Żgħażugħa li Bdiet Tikteb Riċentament fi ħdan il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb.

Clare Azzopardi hi kittieba li rebħet premji diversi li tikteb kemm għat-tfal kif ukoll għat-tfal. Ix-xogħol tagħha kien trodott f’diversi lingwi u ppubblikat f’numru ta’ kollezzjonijiet inklużi Transcript In Focus, Cúirt 21, Skald, Words without Borders Novel of the World. Azzopardi rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għal-letteratura bil-ktieb Il-Linja l-Ħadra u Kulħadd ħalla isem warajh. Hi ħadet sehem f’numru ta’ festivals u fl-2015 intgħażlet bħala waħda mill Vuċijiet ġodda tal-Ewropa.

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti, b’attivitajiet bejn id-9.00am sal-4.00 pm. Il-Ġimgħa l-attivtajiet jibqgħu sejrin sat-tard. Il-Festival għandu l-għan li jippromwovi l-letteratura waqt li jagħti spazju lill-pubblikaturi u lid-distributuri tal-kotba biex jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom. Il-programm tal-Festival huwa varjat u joffri firxa wiesgħa ta’ avvenimenti li jolqtu l-interessi ta’ ħafna, u jinkludi tnedijiet ta’ kotba, taħditiet u films, workshops u mużika lajv.

Għal aktar tagħrif dwar dan l-avvenimenti u l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb www.ktieb.org u l-paġna Facebook. Il-programm dettaljat jista’ jitniżżel minn hawn.


Share Article