Ir-rebbieħ tal-Konkors Letterarju – Kitba għaż-Żgħażagħ 2018 huwa Mark Calleja, bil-manuskritt Karma Red.

Il-Konkors Letterarju – Kitba għaż-Żgħażagħ huwa konkors annwali mwaqqaf mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ bil-għan li jagħżel u jippremja rumanzi bil-Malti li jirnexxilhom jindirizzaw lill-adulti żgħażagħ u l-kwistjonijiet varji li dawn jiltaqgħu magħhom f’dan l-istadju partikolari tal-ħajja, mingħajr ma jadottaw pożizzjoni moraliġġanti jew didattika.

Iċ-ċerimonja saret l-Erbgħa, 27 ta’ Marzu, u fetħet il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2019, l-Università ta’ Malta. Għall-għoti tal-premju kien hemm Isabelle Mallia, Uffiċjal tal-Ħidma għaż-Żgħażagħ mill-Aġenzija Żgħażagħ, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK, Mark Camilleri u l-President tal-Għaqda tal-Malti – Università, Sephora Francalanza.

Tajjeb jingħad li b’kollox kien hemm erba’ manuskritti sottomessi, u r-rebbieħ intgħażel minn bord indipendenti ta’ aġġudikazzjoni.

Mark Calleja ngħata trofew u ċertifikat biex jikkommemora l-avveniment, u se jirċievi €1,000 bħala premju finanzjarju. Sussegwentement, se jiġi mitlub jiffirma kuntratt sabiex jingħata fondi għall-pubblikazzjoni tal-manuskritt ma’ pubblikatur lokali.


Share Article