Illejla, il-Ġimgħa 5 ta’ Novembru, tħabbru r-rebbieħa tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef 2021 waqt ċerimonja ppreżentata minn Claudia Gauci bħala parti mill-programm tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb – Il-Ħanut tal-Kotba 2021.

Il-poeżija ‘Submersi Filii’ ta’ Carmel Scicluna ntgħażlet minn 50 sottomissjoni eliġibbli bħala r-rebbieħa tal-Konkors ta’ dis-sena, li għaliha Scicluna qed jingħata €1,000. Il-ġurija tal-Konkors kienet magħmula minn Dr Josette Attard, Prof. Carmel Borg, u Karl Schembri.

Carmel Scicluna huwa l-awtur ta’ 13-il pubblikazzjoni, fosthom ġabriet ta’ novelli u rumanz għaż-żgħażagħ. Ippubblika żewġ kotba tal-poeżija, Il-Kalċi Qiegħed Ifur (2017) u L-Ambjent li Qeridna (2020), li bħalissa huwa finalist tal-Premju Nazzjonal tal-Ktieb 2021. L-evalwaturi faħħru l-poeżija rebbieħa, li tittratta t-telfa ta’ tifel u li “taħfen tajjeb l-uġigħ tat-traġedja u l-vojt li ġġib magħha b’lingwaġġ personali, dirett u ċar”. 

It-tieni premju mar għand Ritianne Frendo għall-poeżija ‘Mas-Sikta tal-Ħarifa’. It-tielet premju ħadu Jonathan Balzan għall-poeżija tiegħu ‘Hawala’.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri, innota bi pjaċir il-pareċipazzjoni ta’ bosta kittieba emerġenti, li hija xhieda tal-vitalità tal-letteratura Maltija u li tirrifletti l-impatt li l-ħajja kontemporanja tħalli fuq il-bniedem. Camilleri feraħ lir-rebbieħa u lill-parteċipanti kollha u ħeġġiġhom jibqgħu jiktbu. Waqt li rringrazzja lill-aġġudikanti, temm jgħid li l-missjoni tiegħu se tkun li l-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija jikber aktar fis-snin li ġejjin.

Il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef iseħħ kull sena u jkun miftuħ għal kittieba tal-poeżija ta’ kull età, u jrebbaħ poeżija waħedha bil-Malti, oriġinali u mhux ippubblikata li ma tkunx itwal minn 36 vers. Il-proċess tal-aġġudikazzjoni jseħħ b’mod anonimu bl-isem tal-kittieb mistur bi psewdonimu. Is-sejħa ta’ din l-edizzjoni fetħet f’Ġunju.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirringrazzja lil dawk kollha li ssottomettew il-kitba tagħhom u lill-membri tal-ġurija. L-edizzjoni li jmiss tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef tiftaħ f’Ġunju tal-2022.

Ir-riżultati kollha jinsabu ppubblikati hawn.

L-ewwel premju: Carmel Scicluna għall-Submersi Filii
It-tieni premju: Ritianne Frendo għall-Mas-Sikta tal-Ħarifa
It-tielet premju: Jonathan Balzan għall-Hawala


Share Article