Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2023 tħabbru llejla waqt ċerimonja privata l-Magazino Hall, Valletta Waterfront. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jittella’ kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), u r-rebbieħa jintgħażlu minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti u skont kriterji u proċess rigoruż.

Fid-diskors tal-ftuħ, il-Kap Eżekuttiv tal-KNK Mark Camilleri fakkar fil-prestiġju tal-Premju, li issa jinsab fis-46 edizzjoni tiegħu u li jippremja l-ogħla kisbiet fl-ambitu ta’ pubblikazzjonijiet letterarji u ta’ riċerka akkademika. Camilleri ħabbar ukoll waqt iċ-ċerimonja li kull pubblikatur li l-ktieb tiegħu rebaħ il-premju kien se jkun qed jingħata €1,000 bħala rikonoxximent, u dan minbarra l-premju li s-soltu jmur għand il-kittieba u/jew l-illustraturi. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li ġew rikonoxxuti l-isfidi ekonomiċi li ltaqgħu magħhom il-pubblikaturi fl-aħħar snin, speċjalment minħabba kunflitti varji fid-dinja. Kompla billi nnota ż-żieda fis-sottomissjonijiet għall-poeżija u d-drama, li huma sinjali pożittivi. Enfasizza l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet strateġiċi tal-KNK ma’ organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali li jixprunaw il-preżenza globali tal-letteratura Maltija. Huwa u jagħlaq, Camilleri rringrazzja lill-kollaboraturi, ’l-awturi, ’l-illustraturi, ’il-pubbliaturi u lit-tim iddedikat tal-KNK, u saħaq dwar il-wegħda tal-KNK li jmexxi ’l quddiem il-Letteratura Maltija.

Intant, f’messaġġ irrikordjat, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, iddeskriva liċ-Ċerimonja tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bħala waħda ta’ importanza liema bħalha għax tippromwovi l-kotba u l-qari, speċjalment fil-każ tat-tfal u ż-żgħażagħ. L-On. Grima esprima l-apprezzament tiegħu lejn dawk kollha li jħabirku sabiex il-ktieb jibqa’ fiċ-ċentru tal-kultura Maltija.

Il-kotba rebbieħa ntgħażlu minn lista ta’ 61 finalist, li kienu ppubblikati s-sena l-oħra u kienu mqassmin f’erbatax-il kategorija: 36 ktieb fi tmien kategoriji għall-adulti, u 26 ktieb f’sitt kategoriji għat-tfal u ż-żgħażagħ (il-Premju Terramaxka). Fil-kummenti tagħhom l-aġġudikanti qalu li kienu kuntenti immens bis-sottomissjonijiet fil-kategorija tal-poeżija, u nnutaw li kien hemm kotba ta’ kwalità kemm minn poeti stabbiliti iżda anki minn oħrajn ġodda fix-xena. Is-sottomissjonijiet fil-kategorija tar-riċerka ġenerali wkoll kellhom livell eċċezzjonali, u l-kumment tagħhom kien li hemm kotba minnhom li tajjeb kieku jsiru aċċessibbli għal aktar nies minbarra l-qarrejja tas-soltu tagħhom.

Waqt iċ-ċerimonja ngħataw ukoll żewġ premji speċjali. Il-premju prestiġġjuż għall-kontribut siewi fil-qasam tal-kotba u l-letteratura mar għand Daniel Massa, u dan għall-kontribuzzjoni enormi tiegħu għall-poeżija Maltija. Massa ma setax ikun preżenti minħabba raġunijiet ta’ saħħa, iżda f’messaġġ mibgħut irringrazzja lill-KNK talli weġġħu għall-karriera tiegħu ta’ aktar minn 60 sena jikteb il-poeżija u l-proża. Ħeġġeġ liż-żgħażagħ jaqraw kemm poeti Maltin u poeti barranin u jispiraw ruħhom minnhom – fosthom Dun Kar, Dylan Thomas u TS Eliot – u biex jifhmu wkoll li t-triq lejn il-kobor poetiku hija twila iżda mal-ħin tippremjak. Għalaq billi qal, “Fittxu s-sabiħ, imma taħarbux mill-ikrah”.

Il-premju għall-aħjar awtur emerġenti mar għand Lon Kirkop, li wkoll rebaħ il-kategorija tad-drama bil-ktieb Fil-Ħajja li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq (Merlin Publishers). Kirkop qal li dal-premju jimlieh b’aktar kuraġġ biex bħala kittieb ġdid ikompli jwassal il-kitbiet tiegħu għand il-qarrej. Irrimarka li, “Meta tkun fil-bidu tal-karriera tiegħek, bħalma jien jien bħalissa, rikonoxximent bħal dan jgħinek tkompli tagħraf li dak li qiegħed tagħmel hu validu”.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jirringrazzja lill-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u l-Premju Terramaxka 2023: Omar Seguna, Robert Pisani, Simone Spiteri, Rachel Baldacchino, Liam Gauci, Joseph M Brincat, Sandra Hili Vassallo, Kristy Borg u Charmaine Bonello.

Nirringrazzjaw ukoll lil Margaret Callus minn Malta Libraries talli kklassifikat il-kotba sottomessi skont il-kategoriji rispettivi.

RUMANZI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
LORANNE VELLA  Marta Marta

NOVELLI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
RITA SALIBA Tbajja’ tax-Xemx u Stejjer Oħra għad-Dell

POEŻIJA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
MURAD SHUBERT Imbagħad il-Qiegħ

DRAMA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
LON KIRKOP Fil-Ħajja li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq

TRADUZZJONI
MARK VELLA Mur Ġibek… Eżerċizzji ta’ Tortura u Seduzzjoni

RIĊERKA ĠENERALI
CHRISTIAN ATTARD   The Art of Dying Well: Visual Cultures in Times of Piety and Plague Malta 1675-1814

RIĊERKA BIJOGRAFIKA U STORJOGRAFIKA
WILLIAM ZAMMIT Slavery, Treason and Blood: The 1749 Plot of the Slaves in Malta

PREMJU GĦALL-AĦJAR PRODUZZJONI TA’ KTIEB BL-ISBAĦ DEHRA
FONDAZZJONI PATRIMONJU MALTI Society Fashion in Malta: The Portrait Photography of Leandro Preziosi 1830-1869

PREMJU GĦALL-AĦJAR AWTUR EMERĠENTI
LON KIRKOP

PREMJU GĦALL-KONTRIBUT SIEWI FIL-QASAM TAL-KOTBA U L-LETTERATURA
DANIEL MASSA

Il-Premju Terramaxka għat-Tfal u ż-Żgħażagħ

XOGĦLIJIET ORIĠINALI GĦAL TFAL TA’ BEJN 0-7 SNIN

MARIA FARRUGIA, LOUISELLE SCIBERRAS (ILL.) – Luċjan u Enzo: is-sriedak li kienu jgħiru għal xulxin

XOGĦLIJIET ORIĠINALI GĦAL TFAL TA’ BEJN 8–12-IL SENA

JOHN A. BONELLO, FRANCESCA GRECH (ILL.) – Irvin Vella, Investigatur Virtwali: Il-Każ tal-Ħabsi Bla Ħtija

LETTERATURA GĦAŻ-ŻĠĦAŻAGĦ

DAVID ALOISIO – Ġganti

XOGĦLIJIET MAQLUBA GĦALL-MALTI GĦAL TFAL TA’ BEJN 0-7 SNIN

JANET MALLIA – Kieku Armadillo Jmur f’Ristorant

XOGĦLIJIET MAQLUBA GĦALL-MALTI GĦAL TFAL TA’ BEJN 8-12 -IL SENA

NOEL TANTI – Każ Miftuħ: Segwi l-Indizji!

LETTERATURA GĦAŻ-ŻĠĦAŻAGĦ TRADOTTA

DWAYNE ELLUL – Sherlock, Lupin u Jien: Il-Katidral tal-Biża’

PREMJU GĦALL-AĦJAR PRODUZZJONI TA’ KTIEB BL-ISBAĦ DEHRA

BDL PUBLISHING – Luċjan u Enzo: is-sriedak li kienu jgħiru għal xulxin


Share Article