Il-Konkors Letterarju – Kitba għaż-Żgħażagħ huwa konkors annwali mwaqqaf mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ bil-għan li jagħżel u jippremja rumanzi bil-Malti li jirnexxilhom jindirizzaw lill-adulti żgħażagħ u l-kwistjonijiet varji li dawn jiltaqgħu magħhom f’dan l-istadju partikolari tal-ħajja, mingħajr ma jadottaw pożizzjoni moraliġġanti jew didattika.

Ir-riżultati tal-edizzjoni tal-2017 tal-Konkors ġew imħabbra aktar kmieni dalgħodu waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, li saret fl-uffiċċji tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb f’Belt-is-Sebħ, il-Furjana. Ir-rebbieħa Josianne Block ingħatat trofew, ċertifikat u għotja finanzjarja ta’ 1000 euro għal-manuskritt rebbieħ tagħha, 360 degrees. Sussegwentement, Block se tiffirma kuntratt għall-għotja ta’ finanzjament għall-pubblikazzjoni tax-xogħol tagħha ma’ pubblikatur lokali.

F’konferenza stampa wara ċ-ċerimonja, il-kap eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri flimkien ma’ Miriam Teuma, l-kap eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ, ħabbar li l-applikazzjonijiet għall-edizzjoni tal-2018 tal-Konkors huma miftuħa u l-awturi kollha interessati huma mistiedna jissottomettu testi oriġinali ta’ bejn 20,000 u 25,000 kelma mmirati lejn adulti żgħażagħ ta’ bejn it-13 u l-15-il sena. L-applikanti jistgħu jkunu individwi jew gruppi ta’ individwi u l-manuskritti jridu jiġu sottomessi taħt nom de plume. L-applikanti kollha irid ikollhom mill-inqas 20 sena.

Minbarra t-test, l-applikanti għandhom ukoll jipprovdu formola ta’ applikazzjoni bil-firma oriġinali tal-awtur, fotokopja tal-karta tal-identità tagħhom u sinopsi tal-istorja ta’ mill-inqas 500 kelma. Erba’ kopji kemm tal-manuskritt kif ukoll tas-sinopsi, għandhom jiġu sottomessi taħt nom de plume, flimkien mad-dokumenti l-oħra.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jaħtar tliet ġurati li jagħżlu l-manuskritti rebbieħa skont sett ta’ kriterji. Jeżistu erba’ kriterji: żvilupp tal-istorja u l-karattri, oriġinalità, lingwa u kwalità.

Għal iktar informazzjoni rigward il-kriterji ta’ għażla, tista’ tidħol fis-sit tal-aġenzija fuq www.agenzijazghazagh.com.

 

L-applikazzjonijiet flimkien mal-manuskritti u d-dokumenti kollha mitluba għandhom jaslu għand l-Aġenzija Żgħażagħ sa nofsinhar ta’ nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Settembru 2018. Għandhom jintbagħtu lil:

 

Aġenzija Żgħażagħ

Konkors Letterarju – Kitba għaż-Żgħażagħ

Umberto Colosso St Joseph High Road

Santa Venera

 


Share Article