Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef 2019 ittellgħet illum il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. L-ewwel edizzjoni tal-Konkors għall-poeżija bil-lingwa Maltija tnediet f’Ġunju. Il-Professur Charles Briffa, Dr. Claudine Borg u l-poeta Antoine Cassar iffurmaw parti mill-ġurija.

Fl-indirizz tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri fakkar fl-importanza tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija fiċ-ċelebrazzjoni tal-wirt poetiku ta Doreen Micallef, u fl-istess ħin irrikonoxxa l-poeżija kontemporanja bil-Malti. Il-Konkors jipprovdi pjattaforma li tkompli televa l-profil tal-poeżija Maltija u huwa opportunità biex il-poeżija tiskopri pijuniera tal-kitba feminista Maltija li naqset milli tirċievi l-apprezzament dovut f’ħajjitha. Fi tmiem id-diskors tiegħu Camilleri ħabbar u feraħ lill-awturi rebbieħa, qabel stieden lil Nadia Mifsud u lil Louis Briffa biex jaqraw il-poeżiji rebbieħa tagħhom.

L-ewwel premju ngħata għall-poeżija Varjazzjonijiet tas-Skiet minn Nadia Mifsud. Louis Briffa rebaħ it-tieni premju bil-poeżija NES Qaqqari, u t-tielet premju mar għall-poeżija Preludju mħarbat minn Ritianne Frendo. L-ewwel premju kien għotja ta’ € 1,000; iż-żewġ poeżiji l-oħra ngħataw vawċer tal-kotba.

Il-KNK jixtieq jirringrazzja lil dawk kollha li attendew l-avveniment u lill-bosta poeti li ppreżentaw poeżiji għall-Konkors u lill-membri tal-ġurija.

Ir-riżultati jistgħu jiġu aċċessati minn hawn.


Share Article