Kampus Kotba – il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus 2022, li se jseħħ bejn l-Erbgħa 23 u l-Ġimgħa 25 ta’ Marzu, se jkun qed jospita numru rekord ta’ pubblikaturi stabbiliti u oħrajn ġodda, bejjiegħa tal-kotba, u entitajiet pubbliċi f’did-disa’ edizzjoni tiegħu. Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa t-tieni l-akbar festival tal-kotba f’Malta, isir f’ħidma bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Dipartimenti tal-Università, u għaqdiet studenteski, u jattira primarjament studenti terzjarji u l-pubbliku ġenerali.

Taħt it-tinda fil-Kwadranglu tal-Università ta’ Malta se jkun hemm miġbura l-pubblikaturi Horizons, Merlin Publishers, Klabb Kotba Maltin/Midsea Books, Faraxa Publishing, Kite Group, Marvellous Malta u Malta University Press, il-bejjiegħ tal-kotba Mallia & D’Amato Booksellers, u l-entitatjiet Għaqda tal-Malti – Università, Malta Libraries, Inizjamed u Creative Europe Desk Malta.

Uċuħ ġodda – aktar kotba differenti

L-edizzjoni tal-Festival ta’ dis-sena qed tilqa’ kollaborazzjonijet ġodda li se jwasslu għal numru akbar u aktar diversifikat ta’ kotba disponibbli għall-bejgħ. Wieħed ta’ min jinnota lil Mallia & D’Amato Booksellers, magħrufin għas-selezzjoni żgħira imma kkurata ta’ kotba ta’ finzjoni u poeżija – u anki għas-servizz impekkabbli u l-preżentazzjoni tal-kotba. Il-Malta University Press, wara li pparteċipaw għall-ewwel darba fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb is-sena l-oħra, se jkunu preżenti b’għażla ta’ kotba ppubblikati minnhom, l-aktar kotba ta’ studju akkademiku dwar Malta u l-Mediterran b’interess partikulari fl-umanitajiet u x-xjenzi soċjali. Imbagħad hemm Marvellous Malta – dar tal-pubblikazzjoni ġdida mwaqqfa minn fotografu li tispeċjalizza fis-serje tal-kotba fotografiċi dwar l-ambjent naturali Malti.

Dawn l-esebituri se jkollhom għażla ta’ kotba li tvarja minn kotba ta’ finzjoni lokali u internazzjonali – rumanzi, novelli, poeżiji, letteratura mhux fittizja, drama, traduzzjoni, kotba għall-adolexxenti u kotba tat-tfal – sa kotba ta’ riċerka, melitensia, u aktar. Anki bis-saħħa tal-parteċipazzjoni ta’ wħud mill-aħjar pubblikaturi lokali rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Kampus Kotba 2022 huwa ċans tajjeb sabiex l-istudenti u l-pubbliku ġenerali jiġu jagħmlu x-xirja tagħhom u fl-istess ħin jattendu xi attività li tkun tolqothom.

Dis-sena l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħadem ukoll ma’ Creative Europe Desk Malta li kkontribwixxew sabiex tinġieb Malta l-mistiedna speċjali ta’ din l-edizzjoni, Jan Carson – rebbieħa tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura f’isem l-Irlanda fl-2019. Fost l-oħrajn Carson se tingħaqad ma’ rebbieħa oħra tal-istess Premju s-sena l-oħra, did-darba f’isem Malta, Lara Calleja, f’diskussjoni mmoderata u mtellgħa minnhom. Min-naħa tagħhom Inizjamed se jkunu qed iwasslu l-Palk Ħieles, li jagħlaq il-Festival nhar il-Ġimgħa.

Il-programm tal-attivitajiet se jkun ippubblikat fil-jiem li ġejjin, u fost l-oħrajn se jkun jinkludi diskussjonijiet tematiċi dwar il-letteratura, il-filosofija, u l-pubblikazzjoni, intervisti ma’ kittieba lokali u internazzjonali, tnedijiet u preżentazzjonijiet ta’ kotba, u apprezzamenti ta’ figuri ċentrali Maltin, fost l-oħrajn.

Id-dħul għal Kampus Kotba – Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa b’xejn, u l-ħinijiet tal-ftuħ huma l-Erbgħa u l-Ħamis mid-9am sal-4pm, u l-Ġimgħa mid-9am sad-9pm. Segwi www.ktieb.org.mt u l-paġna tal-FB tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus għal aktar dettalji.


Share Article