Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tħabbru f’Novembru, u fost id-diversi kategoriji importanti jew li qajmu interess, ngħidu aħna tar-rumanzi jew il-Premju Terramaxka, spikkaw ukoll il-premji speċjali li ma ngħatawx abbażi ta’ kriterji fuq xi xogħol letterarju partikulari.

Wieħed minn dal-premji, il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti, dis-sena ngħata lil Matthew Schembri (t. 1993), bi qbil bejn il-membri tal-Bord tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK). Dal-premju speċjali jingħata lil awturi żgħażagħ li jkunu diġà ddistingwew ruħhom bil-kitba u x-xogħol artistiku tagħhom.

L-aħjar awtur emerġenti u l-aħjar artist żagħżugħ tas-sena

Matthew Schembri huwa artist u kittieb ibbażat f’Malta. Kiseb Maġisteru fl-Arti Diġitali (MFA) fl-2017 u d-Diploma fil-Letteratura Maltija fl-2020. Meta wieħed iħares lejn il-portafoll letterarju u artistiku tiegħu, jinnota li mill-2015 sa issa Schembri ma qatax mill-ħidma tiegħu, u ta’ dan kien ippremjat bosta drabi. Fil-fatt l-ewwel premju li rebaħ mill-KNK kien il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ fl-2016, meta ppreżenta l-manuskritt tiegħu Stessi, li mbagħad kien ippubblikat minn Merlin Publishers.

Madankollu dan ma kienx l-ewwel premju ta’ Schembri. Fl-2015 rebaħ il-premju Divergent Thinkers 04 ta’ Aġenżija Żgħażagħ u Spazju Kreattiv għax-xogħol artistiku tiegħu Social Kitchen, waqt li fl- -2017 rebaħ il-premju għall-Artist Żagħżugħ tas-Sena tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Fil-fond il-fond kittieb, u l-arti jagħmilha antiarti

F’intervista li kienet saritlu fl-2018 fuq il-ġurnal Malta Today minn Teodor Reljić fuq l-esebizzjoni sulu tiegħu WiN li ttrattat telfa personali tal-kittieb u l-artist, Schembri stqarr li fil-fond il-fond iħoss li aktar huwa kittieb milli artist viżiv, u xi xogħlijiet tiegħu kienu diġà dehru f’Leħen il-Malti u Taħżiż.

F’din l-intervista Schembri qasam il-ħsibijiet tiegħu dwar id-dinja personali u interpersonali fl-arti, il-ħeġġa tiegħu biex jibdel kontinwament dak li jitqies bħala arti, u l-esebizzjoni nnifisha. L-intervista Schembri temmha billi qal li jrid jikteb aktar kotba u joħloq aktar arti sabiex jitqies kittieb u artist. Aktar tard dik is-sena pparteċipa u rebaħ il-kompetizzjoni artistika Shifting Contexts.

L-innovazzjoni letterarja minn Stessi għal Ħassartek

Schembri sa issa ppubblika żewġ kotba, Stessi – rumanz fantaxjentifiku mmirat għal żgħażagħ ta’ bejn il-11 u t-13-il sena, u li jmiss temi bħall-mard, ir-relazzjonijiet, u n-narċissiżmu, u Ħassartek – ġabra ta’ poeżiji li ssawret mit-tħassir ta’ kliem minn paġni tar-rumanz Stessi.

Din l-idea tat-tħassir poetiku, dik li bl-Ingliż tissejjaħ l-erasure poetry jew blanked verse, tħaddmet għall-ewwel darba f’Malta minn Schembri b’Ħassartek, u dan il-proċess ġie nnutat kemm minn Mark Vella fil-paġna letterarja tal-KNK kif ukoll minn Glen Calleja.

Vella jħares lejn l-iżvilupp letterarju ta’ Schembri minn Stessi għal Ħassartek billi jinnota li l-att tat-tħassir tal-ktieb huwa aktar minn hekk att ta’ tħassir tal-kittieb innifsu, u għalhekk dan isir vjaġġ identitarju f’qafas letterarju. Huwa u jqabbel lill-awtur ma’ “fanal lejn il-ġejjieni tal-ktieb Malti”, jgħid li Schembri jrid jiġi nnutat għall-immaġinazzjoni mħaddma b’mod tajjeb minn awtur ġdid. Min-naħa tiegħu, Calleja jinnota hekk dwar l-att tat-tħassir f’dal-ktieb: “L-att tat-tħassir … għandu bixra ironika. Jekk mhix ironija allura af hija t-tkomplija ta’ proċess ta’ tiftix bħallikieku Matthew għaraf li mill-ewwel ktieb tiegħu seta’ jieħu iktar, li l-kliem li kiteb l-ewwel darba ma tawhx dak li xtaq. Xtaq aktar.” Ta’ min wieħed jinnota wkoll li l-ktieb kien akkumpanjat mit-tieni esebizzjoni artistika sulu ta’ Schembri, li saret fi Studio Solipsius u kienet ikkurata minn Raphael Vella.

Pubblikazzjonijiet

ARTMENTS: Investigating the Artistic Potential of Online Criticism on Contemporary Pulic Art, Dissertazzjoni tal-Maġisteru, l-Università ta’ Malta, 2017

WiN, katalgu artistiku, awtoppubblikat, 2018

Stessi, rumanz, Merlin Publishers, 2018

Ħassartek, ġabra ta’ poeżiji, awtoppubblikat, 2021

Esebizzjonijiet artistiċi

Open Studio: Matthew Schembri, iċ-Ċentru għall-Arti Kreattiva f’Virgina, l-Istati Uniti, 2016

An Event Night showcasing the work of Matt(hew) Schembri, l-Iskola Maltija tal-Arti, 2017

WiN, Spazju Kreattiv, 2018

Ħassartek, Studio Solipsis, 2021

Premji

Divergent Thinkers 04 Art Competition, Aġenzija Żgħażagħ, Spazju Kreattiv, VIVA, 2015

Il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ, Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, 2016

L-Artist Żagħżugħ tas-Sena, il-Kunsill Malti għall-Arti, 2017

Il-kompetizzjoni tal-arti Shifting Contexts, Aġenzija Żgħażagħ, Spazju Kreattiv, Valletta 2018, 2019

Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, 2022


Share Article