Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jilqa’ applikazzjonijiet għall-irwol ta’ Manager tal-Marketing fuq bażi full-time indefinita u b’kuntratt.

1.0 It-tul u l-kundizzjonijiet tax-xogħol

1.1 L-irwol ta’ Manager tal-Marketing huwa fuq bażi full-time indefinita, u l-applikant magħżul ikun jeħtieġ jaħdem 40 siegħa f’ġimgħa fuq ħamest ijiem, mifruxin fuq kalendarju ta’ sena li jkopri wkoll il-ħinijiet ġenerali ta’ ftuħ għas-servizzi tal-KNK.

2.0 Is-salarju skont il-pożizzjoni

2.1 Is-salarju għal dil-pożizzjoni ta’ Manager tal-Marketing huwa l-istess għal dak fi Skala 7, li fl-2023 kien ta’ €27,698 fis-sena b’żieda annwali ta’ €531, u li jħorr miegħu wkoll il-bonus performattiv sa mhux aktar minn 10% tal-paga, kumpens ta’ €750 għall-ispejjeż, kumpens ta’ €2,500 għat-trasport, u kumpens ta’ €750  għall-komunikazzjoni. Dawn kollha parti mill-pakkett.

3.0 X’inhu mistenni

3.1 Id-doveri u r-responsabbiltajiet tal-Manager jinkludu:

  • Jieħu ħsieb il-kampanji tal-marketing, u jimmaniġġja proġetti u inizjattivi;
  • Ikun jaf x’qed jiġri fl-industrija tal-pubblikazzjoni, fil-KNK u fl-inizjattivi tal-entità, iżomm kuntatt mal-imsieħba u jimplimenta kampanji effettivi tal-marketing;
  • Jaħdem mat-tim sabiex ikunu ppjanati x-xogħlijiet li jkun hemm bżonn biex l-istrateġiji jkunu implimentati tajjeb
  • Iżomm u jaġġorna l-lista tal-kuntatti sabiex jitjiebu l-kanali ta’ komunikazzjoni tal-KNK mal-imsieħba;
  • Iżomm u jaġġorna kostantament il-kontijiet tal-mezzi soċjali u s-sit tal-KNK;
  • Joħloq u jżomm mar-rotot li l-KNK joħroġ bihom sabiex ix-xogħol jitlesta dejjem fil-ħin;
  • Jorganizza l-boosting tal-kontenut fuq il-pjattaformi tal-mezzi soċjali;
  • Jorganizza sessjonijiet ta’ fotografija u vidjografija, fosthom id-dokumentazzjoni viżiva, għal proġetti u inizjattivi relevanti;
  • Jara li jżomm mar-Regolamenti Finanzjarji u tal-Prokura Pubblika, sabiex jiġbor l-istimi, jipprepara d-dokumenti għall-istimi jew it-tenders, u jimmaniġġja l-istimi mibgħuta mill-fornituri ta’ partijiet terzi jew fornituri ta’ servizzi skont il-baġit allokat;
  • Jifformula l-ispeċifikazzjonijiet mitluba f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sejħiet għall-istimi jew tenders għall-prokura ta’ servizzi jew oġġetti, skont il-proċeduri finanzjarji hekk kif jidhru fil-leġislazzjoni tal-Gvern;
  • Iżomm kuntatt mas-servizz pubbliku, is-settur pubbliku, u l-aġenziji governattivi;
  • Jieħu ħsieb inizjattivi oħrajn skont l-esiġenzi tas-settur pubbliku hekk kif ikunu kkomunikati mill-Kap Eżekuttiv tal-KNK.

4.0 Rekwiżiti tal-Eliġibbiltà

4.1 Sal-ħin u d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, l-applikanti għandhom ikunu:

  1. a) ċittadini Maltin jew

b) ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg bis-saħħa ta’ leġislazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet  ta’ trattati dwar iċ-ċaqliq ħieles tal-ħaddiema; jew

ċ) ċittadini ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg minħabba li jkunu japplikaw għal dak il-pajjiż leġislazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet  ta’ trattati dwar iċ-ċaqlieq ħieles tal-ħaddiema; jew

d) kwalunkwe persuni oħra li għandhom jedd għal trattament ugwali daqs ċittadini Maltin fi kwistjonijiet ta’ impjieg permezz tar-relazzjoni familjari tagħhom ma’ persuni msemmija f’(a), (b) jew (c),  skont kif hemm fil-liġi jew fil-leġislazzjoni tal-UE u dispożizzjonijiet  ta’ trattati msemmija hawn fuq; jew

e) ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw status ta’ residenti li joqogħdu għal żmien twil f’Malta taħt ir-regolament 4 tar-Regolamenti tal-2006 dwar “Status ta’ Residenti li joqogħdu għal Żmien Twil (Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi)”, jew li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-regolament 18(3) tal-istess regolamenti, flimkien mal-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ngħataw permess ta’ residenza taħt ir-Regolamenti tal-2007 dwar ir-Riunifikazzjoni tal-Familji

Għandu jintalab il-parir tat-Taqsima taċ-Ċittadinanza fi ħdan l-Aġenzija Komunita` Malta u  tat-Taqsima tal-Espatrijati fi ħdan l-Aġenzija Identita` Malta skont il-ħtieġa fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

Il-ħatra ta’ kandidati msemmija f’(b), (c), (d) u (e) hawn fuq teħtieġ il-ħruġ ta’ liċenzja tax-xogħol f’dawk il-każijiet fejn hija meħtieġa skont l-Att dwar l-Immigrazzjoni u leġiżlazzjoni sussidjarja. Jobsplus għandha tiġi kkonsultata skont il-ħtieġa dwar din il-materja.

  1. Ikun kapaċi jikkomunika bil-Malti u bl-Ingliż
  2. Ikollu grad ta’ Baċellerat fl-Arti rikonoxxut fil-Livell 6 tal-MQF (suġġett għal minimu ta’ 90 krettu tal-ECTS/ECVET jew ekwivalenti*) jew sena esperjenza ta’ xogħol simili jew

Kwalifiki f’livell ogħla minn dak imsemmi hawn fuq jiġu aċċettati għal finijiet ta’ eliġibbiltà, sakemm jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-suġġett speċifikat. Barra minn hekk, kandidati li għadhom ma kisbux formalment l-ebda waħda mill-kwalifiki msemmija hawn fuq xorta jiġu kkunsidrati. Dawn il-kandidati għandhom jissottomettu evidenza li ġew approvati għall-għoti tal-kwalifika inkwistjoni.

Għall-finijiet ta’ din l-applikazzjoni, l-esperjenza tax-xogħol hekk kif issemmiet f’punt 4.1 tinkludi wkoll espejenza fir-Relazzjonijiet Pubbliċi, l-Amministrazzjoni u/jew esperjenza fl-Immaniġġjar.

4.2  Tingħata attenzjoni lil dawk l-applikanti li, minbarra dak mitlub hawn fuq, ikollhom ukoll:

  • Għarfien tal-industrija lokali tal-kotba u tax-xeni letterarji u akkademiċi barranin
  • Ħakma tat-tielet lingwa, ngħidu aħna l-Franċiż, it-Taljan, il-Ġermaniż u l-Ispanjol
  • Esperjenza ta’ xogħol f’das-settur

4.3 L-applikanti prospettivi għandhom jaraw id-dispożizzjonijiet ġenerali marbuta ma’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet fejn jikkonċerna s-sottomissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki mingħand l-MQRIC, jew awtorità pertinenti oħra, skont il-proviżjonijiet applikabbli għal din l-applikazzjoni

5.0 Is-sottomissjoni tad-dokumenti li jwieżnu lill-applikazzjoni

5.1 Il-kwalifiki u l-esperjenza li l-persuna jkollha għandhom jintwerew b’ċertifikati u/jew dokumenti li kopja tagħhom għandha tkun mehmuża mal-applikazzjoni.  Kopji skennjati mibgħuta b’mod elettroniku huma aċċettati. Dan li ġej irid ikun sottomess:

  1. CV tal-Europass aġġornat li jkun jinkludi n-Numru tal-Karta tal-Identità
  2. Kopji skennjati taċ-ċertifikati u l-kwalifikazzjonijiet
  3. GP 47 jew l-istorja tal-impjieg mingħand JobsPlus
  4. Kondotta tal-Pulizija

5.2 Ċertifikati oriġinali jew testimonjanzi jridu jinġiebu want l-intervista sabiex jiġu vverifikati

6.0 Il-proċedura tal-għażla

6.1 L-applikanti eliġibbli jkunu assessjati minn Bord tal-Għażla li jiddetermina jekk l-applikant ikunx tajjeb għall-pożizzjoni. L-ogħla marka mogħtija hija 100, u tgħaddi jekk iġġib aktar minn 50.

7.0 Is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

7.1 L-applikazzjonijiet u d-dokumenti kollha meħtieġa grid jaslu b’email fuq nationalbookcouncil@gov.mt jew bil-posta, lis-Segretarju, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kumpless Bice Mizzi Vassallo, Triq Arnhem, Pembroke, PBK 1776, sa mhux aktar tard mill-Ħamis 13 ta’ Lulju f’nofsinhar.


Share Article