Bħala parti mill-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, Inizjamed se jkun qed jorganizza Palk Ħieles il-Ġimgħa 23 ta’ Marzu fis-7pm fil-quadrangle tal-Università. L-attività se tilqa’ lill-mistieden speċjali Jasmin B. Frelih, awtur Sloven u rebbieħ tal-premju għall-letteratura tal-Unjoni Ewropea. Din hi opportunità unika għall-istudenti u l-pubbliku biex jiltaqgħu mal-awtur u jisimgħu kliemu.

L-Inizjamed se jġibu magħhom il-passjoni li għandhom lejn il-letteratura, billi joffu spazju għal kull min jixtieq jaqsam xi bċejjeċ letterarji mal-udjenza. Wieħed jista’ jaqra xi poeżija, storja, jagħmel xi stand up, ikanta kanzunetta oriġinali jew jesprimi dak li jaħseb jista’ jkun relevant ma’ din l-udjenza. L-interventi jistgħu jkunu bi kwalunkwe djalett jew lingwa.

Il-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Għaqda tal-Malti, b’attivitajiet bejn id-9.00am sal-4.00 pm. Il-Ġimgħa l-attivtajiet jibqgħu sejrin sat-tard. Il-Festival għandu l-għan li jippromwovi l-letteratura waqt li jagħti spazju lill-pubblikaturi u lid-distributuri tal-kotba biex jippromwovu u jbigħu l-pubblikazzjonijiet tagħhom. Il-programm tal-Festival huwa varjat u joffri firxa wiesgħa ta’ avvenimenti li jolqtu l-interessi ta’ ħafna, u jinkludi tnedijiet ta’ kotba, taħditiet u films, workshops u mużika lajv.

Għal aktar tagħrif dwar dan l-avveniment u l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus, wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb www.ktieb.org u l-paġna Facebook. Il-programm dettaljat jista’ jitniżżel minn hawn.


Share Article