Illustrat minn Gattaldo u animat minn Turi Animation Studio, ix-xogħol artistiku tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 jurina lil Arnold, li jiltaqa’ mal-kotba u jaħkem perspettivi ġodda dwar il-ħajja huwa u jintilef fl-istejjer differenti f’dal-kotba.

Il-powster u l-animazzjoni jagħtu ġieħ lil sehem l-istampi u l-illustrazzjonijiet li jagħnu l-kotba li naqraw tul ħajjitna – minn stampi fuq il-qoxra tal-ktieb sa ġeneri li ħolqu arti mir-rakkuntar viżiv tal-istejjer. It-tpinġijiet u l-pitturi jmorru lura sa qabel bdejna niktbu: fil-ħajja l-kotba aktar assoċjati mal-kitba, minkejja dan l-ewwel kotba li niltaqgħu magħhom ta’ tfal huma kotba bl-istampi.

Din il-bozza fuq l-irwol tal-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi hija parti mill-pjan tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) sabiex joħloq tisħib bejn entitajiet differenti u l-ħidma tagħhom tħalli l-frott lill-imsieħba kollha fl-industrija tal-kotba. Fost seminars u taħditiet bejn professjonisti fl-industrija, il-Festival se jkun jinkludi l-esebizzjoni ‘From illustration to book’ li qed tittella’ b’kollaborazzjoni bejn il-KNK, il-Kunsill Malti għall-Arti, l-MCOI u l-MCAST. Se jkun hemm ukoll produzzjonijiet teatrali bbażati fuq ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka 2022, organizzati b’ħidma ma’ Żigużajg.

Il-powster tal-Festival – illustrat u ddisinjat minn Gattaldo – idur mat-tema tar-rakkuntar viżiv u juri ġrajja ssekwenzjata, donnha komik silenzjuż. Gattaldo ħadem fid-direzzjoni artistika, ir-reklamar u l-fotografija mal-Ewropa kollha. Bħalissa jgħix Londra, u xogħlu ġie ppubblikat fir-Renju Unit u l-Istati Uniti. Il-verżjoni Maltija tal-ktieb tiegħu għat-tfal Fearless se tkun ippubblikata fl-aħħar ta’ dis-sena minn Midsea Books. Bħala mistieden waqt il-Festival, Gattaldo se jipparteċipa f’għadd ta’ attivitajiet għat-tfal u l-professjonisti fil-qasam.

Ara l-animazzjoni u ejja l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru.

F’din l-animazzjoni viżiva intużat it-teknika ta’ frejm bi frejm b’animazzjoni bl-idejn, sabiex jinstab il-bilanċ bejn qrubija kemm jista’ jkun possibbli lejn il-viżjoni artistika ta’ Gattaldo u l-ħolqien tal-moviment tal-karattri. L-illustrazzjonijiet ta’ Gattaldo intużaw bħala r-referenza ewlenija, u nħolqu wkoll pożi ġodda biex jirrikrejaw is-sensazzjoni taċ-ċaqliq. L-animazzjoni tal-video saret minn Chris Spiteri, animatur u artist ta’ 28 sena minn Malta li jaħdem ma’ Turi Animation Studio. Bħalissa Chris qed jaħdem ma’ Turi sabiex jagħmel l-istess b’Id-Denfil.

Dis-sena l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb fl-MFCC se jospita numru rekord ta’ 50 esebitur. Aktar minn 8,000 metru kwadru ta’ spazju se jintużaw mill-pubblikaturi, il-bejjiegħa tal-kotba u l-NGOs, u għal imkejjen għall-attivitajiet. L-aċċessibiltà u l-parkeġġ mhumiex problema. Se jkun hemm erba’ mkejjen għall-attivitajiet, teatru, żewġ inħawi għall-qari u kamra sensorja li fihom se jittellgħu għadd ta’ preżentazzjonijiet ta’ kotba u diskussjonijiet għat-tfal ta’ kull età. 

Drittijiet tal-illustrazzjonijiet u l-branding: Gattaldo. Drittijiet tal-animazzjoni viżiva: Turi Animation Studio.

Il-programm sħiħ tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2022 se jkun ippubblikat il-ġimgħa d-dieħla. Għall-aħħar aġġornamenti żur is-sit tal-KNK, il-paġna Facebook tal-KNK, u l-paġna Facebook tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.


Share Article