Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) qed jistieden lill-illustraturi Maltin sabiex iressqu x-xogħol artistiku tagħhom bl-għan li jintwera fl-istand tagħna waqt il-London Book Fair 2025, li se jsir f’Kensington Olympia bejn il-11 u t-13 ta’ Marzu. Bħala entità pubblika, il-KNK għandu rwol importanti fil-ħidma fost il-pubblikaturi, l-awturi, l-edituri, it-tradutturi u l-illustraturi. L-għan tagħna huwa li nrawmu passjoni għal-letteratura, nissapportjaw kull forma ta’ espressjoni letterarja, u noffru servizzi essenzjali lill-industrija, inkluż promozzjoni internazzjonali.

Il-KNK ilu jaħdem favur l-illustraturi, b’rikonoxximent għall-irwol tagħhom fl-industrija li ta’ spiss jintnesa. Inizjattivi li saru diġà jinkludu t-tweżin tal-Annwal tal-MCOI għal ħames snin konsekuttivi, il-kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti għall-esebizzjoni From Illustration to Book, l-organizzazzjoni ta’ workshops immexxija minn illustraturi distinti u l-wiri ta’ xogħol minn illustraturi Maltin waqt fieri tal-kotba internazzjonali prestiġġjużi bħal-London Book Fair. 

Ir-rekwiżiti għas-sottomissjoni

L-illustraturi huma mistiedna jressqu proposti b’illustrazzjonijiet ippubblikati sabiex jiġu esebiti f’wirja ta’ xogħol artistiku fl-istand tal-KNK waqt il-London Book Fair 2025. 8 illustrazzjonijiet biss se jiġu magħżula għall-wirja tal-illustraturi, iżda l-illustraturi kollha li se jressqu xogħolhom se jkunu qed jagħmlu parti mill-edizzjoni tal-2025 ta’ Literature from Malta, il-katalgu tad-drittijiet barranin tal-KNK li se jitqassam waqt fieri tal-kotba internazzjonali matul is-sena.  

Linji gwida u dettalji

Il-wirja tal-illustraturi fl-istand tal-KNK se tesebixxi 8 illustrazzjonijiet. Din hija opporuntunità unika biex jiġi esebit ix-xogħol artistiku tal-professjonisti f’din l-industrija (ara r-ritratt aktar ’il fuq għal rappreżentazzjoni viżwali tal-wirja tas-sena l-oħra). L-illustrazzjoni se tiġi stampata bħala parti minn full vinyl sticker wrap, u għalhekk nirrekjedu fajl tat-tip PDF jew tiff b’reżoluzzjoni għolja, lest biex jiġi stampat.

Ressaq illustrazzjoni li tirrappreżenta x-xogħol tiegħek f’format għall-wisa’ (landscape), ta’ 891mm (wisa’) x 594mm (tul), 300 dpi, CMYK u pdf/tiff (bleed mhix neċessarja), flimkien mad-dettalji t’hawn taħt:

🎨 Isem tal-illustratur

🎨 Indirizz elettroniku

🎨 Mezzi soċjali u/jew sit

🎨 Bijonota (mhux aktar minn 50 kelma)

L-ispazju jista’ jiġi utilizzat kif mixtieq, u tista’ anki tinkludi aktar minn illustrazzjoni waħda. Ħares lejn ir-ritratt mehmuż biex tispira ruħek.  

Għeluq għas-sottomissjonijiet

Is-sottomissjonijiet għandhom jaslulna sat-Tlieta, l-14 ta’ Jannar 2025.

Il-proċess biex jintgħażlu l-illustrazzjonijiet se jsir minn bord ta’ aġġudikanti li se jevalwaw il-proposti sottomessi kollha biex jagħżlu l-aktar illustrazzjonijiet rappreżentattivi u li jolqtu l-għajn. B’enfasi fuq il-kreattività kif ukoll il-kwalità, il-bord se jagħżel 8 illustrazzjonijiet li jirriflettu t-talent varjat u l-espressjoni artistika għanja tal-illustraturi Maltin. Il-kollaborazzjoni bejn il-membri tal-bord se tassigura proċess ta’ selezzjoni ġust u komprensiv. 

Jekk għandek xi mistoqsijiet, ibgħat email lil Jasmine Bajada fuq jasmine-alexa.bajada@gov.mt

Ħalli l-kreattività tiegħek tiffjorixxi waqt li nuru r-rikkezza tal-arti Maltija fuq il-palk globali! 


Share Article