Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jistieden tradutturi mill-Malti għall-Ingliż biex b’sengħethom jikkontribwixxu fil-Premju tal-Commonwealth tan-Novelli 2024.

Kien hemm b’kollox 7,359 kittieb li ssottomettew xogħolhom, u minn dawn kien hemm numru rekord ta’ sottomissjonijiet minn Malta għal total ta’ 51, li 14 minnhom inkitbu bil-Malti. Tliet novelli bil-Malti minn dawn intgħażlu bir-reqqa minn qarrej esperjenzat Malti, u jeħtiġilhom jinqalbu għall-Ingliż biex jikkonkorru f’din il-kompetizzjoni letterarja. Jekk inti għandek il-ħila lingwistika u artistika biex tagħti ħajja lil dawn l-istejjer bl-Ingliż, ninkoraġġuk biex tapplika, u b’hekk ikollok sehem fit-tqassim ta’ dawn l-istejjer notevoli ma’ udjenza globali.

Il-Premju Commonwealth tan-Novelli jingħata għall-aħjar test fittizju (2,000-5,000 kelma), li qatt ma ġie ppubblikat, bl-Ingliż jew tradott għall-Ingliż. Kull sena, ħames stejjer rebbieħa jintgħażlu mill-ħames reġjuni differenti tal-Commonwealth – l-Afrika, l-Ażja, il-Kanada u l-Ewropa, il-Karibew u l-Paċifiku. L-istejjer tradotti se jiġu kkunsidrati għal-lista t-twila, li se tiġi ppreżentata lill-ġurija nhar l-20 ta’ Diċembru 2023. Il-bord ta’ ġurija tal-Premju Commonwealth tan-Novelli 2024 huwa mmexxi minn Jennifer Nansubuga Makumbi, kittieba Uganda-Ingliża ta’ rumanzi u novelli, ma’ aġġudikaturi distinti minn kull reġjun tal-Commonwealth. Is-sejħa għall-parteċipazzjoni fil-Premju Commonwealth tan-Novelli 2024 għalqet u l-proċess tal-aġġudikazzjoni beda. Il-lista l-qasira se titħabbar f’April, ir-rebbieħa reġjonali f’Mejju, u r-rebbieħ ewlieni f’Ġunju tal-2024.

Ir-rebbieħa reġjonali se jirċievu £2,500, u r-rebbieħ ewlieni £5,000. Jekk l-istorja rebbieħa tkun tradotta, it-traduttur ukoll jingħata flus tal-premju.

Eliġibilità
Din l-opportunità hija miftuħa għal tradutturi letterarji bi profiċjenza fi traduzzjoni mill-Malti għall-Ingliż. L-applikanti għandhom jixhdu ħila b’saħħitha fiż-żewġ lingwi biex iwasslu b’mod preċiż l-essenza u l-isfumaturi tan-novelli oriġinali, u għandhom jissottomettu xogħol li ġie ppubblikat qabel ma’ CV u ittra ta’ akkumpanjament.

Għeluq tal-Applikazzjoni
Għandek tissottometti s-CV, l-ittra ta’ akkumpanjament u s-siltiet minn xogħol ta’ traduzzjoni Malti-Ingliż li ġie ippubblikat sal-Erbgħa t-22 ta’ Novembru 2023 f’nofsinhar.

Linji-Gwida għas-Sottomissjoni
Jekk jogħġbok imla il-formola t’hawn taħt u ibgħat is-CV, li turi l-esperjenza tiegħek bħala traduttur letterarju, kif ukoll siltiet ippubblikati minn xogħol ta’ traduzzjoni Malti-Ingliż, u ittra ta’ akkumpanjament li tindika d-disponibbiltà tiegħek biex tittraduċi novella waħda, tnejn jew it-tliet novelli sat-13 ta’ Diċembru 2023.

Notifikazzjoni
It-tradutturi li jintgħażlu jiġu notifikati nhar l-24 ta’ Novembru sa tmiem il-ġurnata u jintbagħtulhom n-novella/i għat-traduzzjoni fl-istess ġurnata. Massimu ta’ tliet tradutturi jistgħu jintgħażlu għal dan ix-xogħol.
Jekk jogħġbok agħti indikazzjoni tad-disponibbiltà tiegħek biex tittraduċi novella waħda jew aktar (sa tlieta).

Sottomissjoni Finali
In-novella tradotta għandha tiġi sottometta sal-14 ta’ Diċembru 2023. Għandek tibgħat is-CV, is-siltiet u l-ittra ta’ akkumpanjament lil simona.cassano@ktieb.org.mt

Kumpens
Il-ħlas għat-traduzzjoni, li jinkludi kollox, se jkun €0,10 għal kull kelma mit-test oriġinali, VAT eskluż. It-totalitajiet tal-kliem tat-tliet novelli huma dawn: 3,199 kelma; 3,095 kelma; 4,918-il kelma.

Selezzjoni
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jirriserva d-dritt li jagħżel l-applikant xieraq f’konsultazzjoni mal-qarrej Malti li rreveda l-oriġinali, u se jiżgura li l-proċess jibqa’ kompletament anonimu (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ma jafx l-identità tal-awturi tan-novelli).

Napprezzaw l-impenn tiegħek biex twassal il-letteratura Maltija lil udjenza globali.


Share Article