Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħabbar bi pjaċir il-parteċipazzjoni tal-poeta Emiratjan Ali AlShaali u l-poeta u traduttur Malti Marokkin Murad Shubert, fi skambju letterarju uniku li se jseħħ waqt iċ-ċerimonja tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef. Iċ-ċerimonja se ssir il-Ġimgħa 8 ta’ Novembru fis-6pm fit-Teatru tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, u fiha ż-żewġ poeti se jaqraw xogħol xulxin tradott, turija tal-konnessjoni għanja li hemm bejn il-poeżija Maltija u dik Għarbija.

Dan l-iskambju poetiku qed isir f’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Fondazzjoni Letterarja tal-Emirati. AlShaali u Shubert ħadmu fuq it-traduzzjoni tal-poeżiji ta’ xulxin, u waqt is-serata se jippreżentaw kemm ix-xogħol oriġinali u anki dak tradott. Il-qari se jkun immoderat mill-attriċi Antonella Axisa, li se tgħin lill-pubbliku japprezza r-relazzjoni artistika u kulturali bejn ix-xogħlijiet.

Ali AlShaali

AlShaali huwa poeta, pubblikatur u figura kulturali Emiratjan famuż, u l-ġabriet tal-poeżija u l-esejs tiegħu nqalbu f’għadd ta’ lingwi oħra. Huwa l-fundatur tal-Grupp Al Hudhud u jikkontribwixxi attivament f’forums letterarji u kulturali internazzjonali.

Murad Shubert jikteb il-poeżija bil-Malti, u rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2023 fil-kategorija tal-poeżija bil-ktieb Imbagħad il-Qiegħ (Klabb Kotba Maltin). Bħala poeta marbut immens mal-għeruq tiegħu fid-distrett ta’ Hay Mohammadi f’Casablanca, Shubert jispira ruħu minn figuri letterarji ikoniċi bħal Mahmoud Darwish u Ghassan Kanafani, kif ukoll mit-tradizzjoni Marokkina għanja ta’ rakkuntar tal-istejjer. Xogħlu jirrifletti dil-kuxjenza soċjali mwieżna minn onestà skjetta – valuri li għalihom kiseb kritika pożittiva.

Il-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef huwa l-aktar rikonoxximent prestiġġjuż li jmur għal poeżija waħda bil-Malti mhux ippubblikata. Kull sena l-konkors ikun aġġudikat anonimament skont kriterji bħall-oriġinalità, id-distinzjoni fil-vuċi u l-użu kreattiv tar-ritmu u l-figuri tat-taħdit. Ir-rebbieħa ta’ dis-sena se jitħabbru waqt iċ-ċerimonja bi premji ta’ €1,000, €500, u €200 għall-ewwel tliet postijiet rispettivament. Il-parteċipazzjoni fil-konkors baqgħet tiżdied kull sena mindu twaqqaf, b’rekord ta’ sottomissjonijiet. Dal-fatt qawwa qalb il-KNK u kien għalhekk li xtaqna li dis-sena ċ-ċerimonja tkun speċjali bl-inklużjoni tal-iskambju poetiku bejn Ali AlShaali u Murad Shubert sabiex aktar poeti jkunu ispirati.

Iċ-ċerimonja tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija Doreen Micallef hija parti mill-programm kulturali tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024. Il-Festival se jsir bejn l-Erbgħa 6 u l-Ħadd 10 ta’ Novembru fiċ-Ċentru għall-Fieri u l-Konvenzjonijiet (MFCC) Ta’ Qali.

Għall-programm tal-attivitajiet agħfas hawnhekk. Għal aktar informazzjoni u biex iżżommruħek aġġornat dwar il-Festival żur ktieb.org.mt u l-paġni Facebook u Instagram tal-KNK.


Share Article