Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb kontinwament iħabrek sabiex irawwem ambjent pożittiv u ta’ sapport fl-industrija Maltija tal-ktieb, jippreżenta l-interessi tal-kittieba u l-pubblikaturi, u jippromwovi l-imħabba għall-qari fil-forom varji tiegħu. Jisgħobbina minn qalbna dwar l-inċident fl-aħħar jiem fuq il-mezzi soċjali li fih kienet involuta waħda mill-impjegati tagħna.

Nassiguraw lill-imsieħba tagħna, lil dawk li jsegwuna u lill-pubbliku li dil-kwistjoni ġiet indirizzata internament. L-impjegata inkwistjoni hija ddedikata fl-irwol li għandha fil-Kunsill. Il-KNK ħerqan li jaħdem mal-imsieħba fl-industrija sabiex jiżgura l-inklussività u l-ġustizzja fl-ambjent letterarju Malti.

Napoloġizzaw bis-sinċerità kollha jekk kien hemm xi persuni mweġġgħin mill-komunità tal-kittieba jew il-pubbliku. Qed inqisu din bħala opportunità għal trawwim aħjar ta’ sapport u trasparenza minn issa ’l quddiem. Il-KNK kommess li jservi lil nies minn kull sfond u li jippromwovi ilħna diversi mill-komunità letterarja sabiex l-orizzonti kulturali tagħna jitjiebu.

Għal li ġej, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jkun qed idaħħal korsijiet ta’ taħriġ għall-istaff sabiex tissaħħaħ l-imġiba professjonali u rispettuża fl-interazzjonijiet kollha tagħna, speċjalment dawk fid-dinja tal-online. Se nkunu qed nirrevedu l-politiki tagħna dwar il-midja soċjali biex xi ħaġa hekk ma tirrepetix ruħha.

Napprezzaw is-suġġerimenti li rċevejna mill-komunità tal-kotba, u nħeġġu djalogu miftuħ mal-kittieba, pubblikaturi, edituri, tradutturi u illustraturi Maltin sabiex sitwazzjonijiet simili jkunu indirizzati aħjar u sabiex insaħħu l-ħidma tagħna ma’ ħaddieħor għat-titjib tal-ekosistema letterarja lokali.

Nirringrazzjawkom talli fhimtuna u tas-sapport ma jaqtax.


Share Article