Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar kollaborazzjoni ġdida mal-Wikimedia Community Malta (WCM) sabiex għall-ewwel darba fl-istorja jkollna l-lista sħiħa tar-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb kollha fuq il-Wikipedija. Din l-inizjattiva timmarka punt importanti għall-promozzjoni tal-eċċellenza letterarja lokali tul iż-żminijiet, kif ukoll okkażjoni biex tiżdied il-viżibbiltà tal-industrija tal-pubblikazzjoni Maltija. 

Iż-żewġ entitajiet se jkunu qed jimmiraw li jilħqu lill-pubbliku ġenerali, l-istudenti u l-ħabbieba tal-letteratura li huma interessati sabiex bis-sehem tagħhom jarrikkixxu lill-Wikipedija b’tagħrif dwar il-kotba Maltin, speċifikament bir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb sa mill-bidu tiegħu fl-1971. B’dil-ħidma tiegħu mad-WCM, il-KNK qed jikkontribwixxi notevolment għal database strutturata tal-letteratura Maltija, u qed jipprovdi wkoll pjattaforma għall-pubbliku li jixtieq jipparteċipa biex il-wirt letterarju għani tagħna jkun ippreservat.

WCM se jappuntaw kordinatur li xogħlu se jkun li jara li l-proġett jimxi. Il-kordinatur se jkun imwieżen minn voluntiera li jassistuh jiżviluppa l-proġett. L-irwol tal-kordinatur se jkun bi ħlas xieraq, sabiex il-proġett ikun attwat b’mod effiċjenti u bi preċiżjoni. Il-voluntiera – li wħud minnhom jaf jkunu studenti postsekondarji jew universitarji, ħabbieba tal-letteratura, storiċi jew persuni midħla tal-industrija lokali tal-pubblikazzjoni – se jkunu l-irwol strumentali li jiġbru u jimlew bl-informazzjoni din l-akbar enċiklopedija online.

Dan il-proġett jista’ jolqot l-attenzjoni ta’ diversi gruppi, fosthom studenti 

li jinteressawhom il-premji letterarji u l-istorja Maltija, nies li jħobbu l-kotba tal-Melitensia, u oħrajn li jixtiequ jsiru jafu aktar dwar ix-xena letterarja Maltija. Il-proġett huwa ċans uniku sabiex titgħallem kif taħdem il-Wikipedija, tosserva x’inhu jiġri fl-industrija, u tikkontribwixxi għal-legat diġitali online, li kif nafu ma jieqaf qatt.

Tixtieq tkun taf aktar dwar dan? Il-KNK u d-WCM jistednuk tattendi s-serje ta’ attivitajiet li se jtellgħu waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Fost l-oħrajn:

Edit-a-Tona għall-pubbliku ġenerali: Tgħallem kif tista’ tikkontribwixxi f’dil-paġna ġdida tal-Wikipedija ddedikata għar-rebbieħa kollha tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Għal aktar informazzjoni żur dil-ħolqa.

Sessjoni informattiva għal studenti postsekondarji: Sir af dwar il-proċess biex teditja fil-Wikipedija, u kif tagħti sehmek fil-proġett tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Għal aktar informazzjoni żur dil-ħolqa.

Ibqgħu segwuna għal informazzjoni ġdida dwar il-‘Wikimedian in Residence’!


Share Article