Waħda mill-attivitajiet li se jipparteċipa fiha Sir Salman Rushdie, il-mistieden speċjali għal din l-edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, hija sessjoni diġitali ta’ Mistoqsija u Tweġiba li se sseħħ il-Ħamis 12 ta’ Novembru fis-6.30pm.

Ir-rebbieħ tal-Premju Booker se jkun qed jinteraġixxi direttament ma’ studenti u qarrejja mill-pubbliku ġenerali. Biex inżommu kemm jista’ jkun spirtu ta’ skambju n-numru ta’ parteċipanti mhux se jaqbeż l-40. Dawk interessati jibbukkjaw posthom għas-sessjoni jridu jibagħtu dik il-mistoqsija li jixtiequ jistaqsu lil Rushdie: aħjar il-mistoqsija, akbar iċ-ċans li tassigura post. Kulħadd se jkun jista’ jaċċessa din l-attività li se tkun imxandra live fuq il-paġna tal-Facebook tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u fuq is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Sejħa lill-pubbliku u lill-istudenti universitarji kollha

Għoxrin mill-erbgħin post għal dis-sessjoni se jkunu rriżervati għal dawk li jkunu bagħtulna l-aħjar mistoqsijiet. Issottometti l-mistoqsija tiegħek billi tibgħatha f’imejl lil michael.mercieca@gov.mt sal-31 t’Ottubru bit-titlu tal-imejl ikun ‘MBF2020 Q&A’. Fl-imejl niżżel ukoll ismek, kunjomok u numru ta’ kuntatt.

Se nagħmlu ħilitna biex l-istudenti jieħdu kemm jistgħu minn din l-okkażjoni ta’ darba fil li jitkellmu ma’ intellettwali pubbliku u wieħed mill-aktar ħassieba u promoturi provokanti tal-libertà tal-kelma. Għalhekk qed naħdmu mad-Dipartiment tal-Ingliż tal-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tal-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Ingliż (DESA) sabiex jassiguraw għoxrin post mill-erbgħin esklussivament għal studenti universitarji.

Dawk l-istudenti li jixtiequ jipparteċipaw fis-sessjoni ta’ Mistoqsija u Tweġiba mitluba jibagħtu l-mistoqsija tagħhom lid-DESA fuq desa.uom@gmail.com u jniżżlu wkoll isimhom, kunjomhom u numru ta’ kuntatt sa mhux aktar tard mill-31 t’Ottubru.

Il-programm sħiħ tal-attivitajiet tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2020 – edizzjoni virtwali (11-15 ta’ Novembru) ikun ippubblikat fil-ġimgħat li ġejjin. Għall-aħħar aġġornamenti żur il-paġna tal-Facebook tal-KNK u s-sit uffiċjali ktieb.org.mt

Krettu għar-ritratt: Beowulf Sheehan

 

 


    Share Article