Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jikkollabora mar-rivista Modern Poetry in Translation (MPT), u għadha kif ħarġet sejħa għal poeżiji Maltin tradotti għall-Ingliż.

Is-sejħa tal-MPT li tinsab hawn, hija miftuħa għal poeżiji tradotti minn kwalunkwe lingwa Maltija bħal-Lingwa tas-Sinjali Maltija u l-Malti. Għalhekk, qed tistieden tressiq ta’ poeżiji tradotti għall-Ingliż li qatt ma ġew ippubblikati qabel; kif ukoll poeżiji bl-Ingliż li nkitbu oriġinarjament minn poeti Maltin. Kulħadd mistieden jissottometti t-traduzzjonijiet tal-poeżiji li sa issa għadhom ma ġewx ippubblikati. L-għażla ta’ liema minnhom jiġu ppubblikati se ssir mill-editriċi Khairani Barokka.

Id-data ta’ skadenza hija t-13 ta’ April. Il-poeżiji magħżula se jidhru fil-ħarġa ta’ Ġunju/Lulju 2023, li se jkollha fokus speċjali fuq dawn il-poeżiji mressqa. Il-linji gwida tas-sejħa hija li jitressqu sa massimu ta’ sitt poeżiji għal kull poeta (u mhux għal kull traduttur).

Il-MPT hija rivista li tressaq flimkien l-aqwa poeżija, esejs u reċensjonijiet riċenti minn madwar id-dinja. Ir-rivista għandha l-għan li tagħti vuċi lil min m’għandux, ’il-eżiljat u ’l-eskluż, waqt li toħloq komunità diversa u kreattiva ta’ tradutturi, poeti u qarrejja.

Din il-ħarġa għandha sservi bħal vetrina unika għall-poeżija Maltija lil hinn mix-xtut Maltin.


Share Article