Il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura, li huwa l-aktar unur prestiġġjuż fil-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, fl-2020 mar għand Trevor Żahra, li faċilment jista’ jissejjaħ l-aktar kittieb prolifiku Malti. Dan il-premju jagħti ġieh lil karriera twila ta’ kontribuzzjonijiet importanti għal-letteratura u l-qasam tal-kotba lokali, u għalhekk ġie deċiż li jmur għand Żahra li tul ħajtu kiteb aktar minn 130 ktieb għat-tfal, l-adolexxenti u l-kbar. Huwa wkoll l-aktar kittieb li rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb kemm ilu jingħata — 19-il darba bħala kittieb u darba bħala l-aħjar illustratur. Fost rikonoxximenti oħra li ngħata tul ħajtu hemm il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika (2004), il-Midalja tad-Deheb mis-Soċjetà tal-Arti (2012), u l-Midalja tad-Deheb mill-Akkademja tal-Malti (2018).

Il-ġibda għall-kitba bdiet f’Żahra minn ta’ età żgħira, fil-fatt l-ewwel kitbiet ippubblikati tiegħu kienu xi poeżiji f’The Children’s Own, fil-ġurnal Il-Berqa u f’għadd ta’ rivisti oħra. Hemm imbagħad l-istejjer ta’ Kunċett u Marinton, li ħafna jiftakru jitgħallmu fis-sekondarja, u li Trevor innifsu kitibhom meta kien għadu student fir-raba’ sena tas-sekondarja. Il-Pulena tad-Deheb kien l-ewwel ktieb tiegħu li ppubblika fl-1971 meta kellu 21 sena, u li ġibed fuqu l-attenzjoni tal-pubbliku u l-kritiċi letterarji.

Għalkemm biċċa xogħol tagħżel ktieb wieħed li Żahra jibqa’ mfakkar għalih, tajjeb li jissemma Taħt il-Weraq tal-Palm. Ippubblikat fl-1974, dar-rumanz jiġi studjat mill-istudenti universitarji bħala wieħed mir-rumanzi Moderni ewlenin tat-tieni nofs tas-seklu għoxrin f’Malta. Bħalma għamlu kittieba oħra tas-sittinijiet u s-sebgħinijiet – bħal Alfred Sant, Oliver Friggieri, Frans Sammut u J.J. Camilleri – Żahra beda jikteb rumanzi u novelli differenti minn dawk li nkitbu qablu, b’narrattiva li tittratta l-kriżi tal-identità umana u nazzjonali, b’kontenut psikoloġiku u politiku, u bl-introduzzjoni tal-antieroj. Fir-rumanz il-protagonist Robbie jkun jidher li miexi bħal ħafna oħrajn lejn ħajja tradizzjonali Maltija, u saħansitra jidħol jistudja għal qasis. Madankollu, kif tgħid il-poetessa Doreen Micallef fid-daħla għall-ktieb, din il-ġrajja “patetika” kien ikollha effett differenti fuq Robbie, u forsi kienet tagħmlu eroj… li kieku riedha. Il-protagonist antieroj jirribella, jiżżewweġ u anki jfittex esperjenzi sesswali barra ż-żwieġ. Dir-ribelljoni tgħaddih minn serje ta’ żvinturi.

Il-versatilità li tikkaratterizza lil Żahra hija riflessa fil-ġeneri differenti li kiteb fihom u fil-karriera ta’ 33 sena jgħallem il-Malti u l-Arti fl-iskejjel sekondarji, biex ma nsemmux ukoll il-ħila tiegħu bħala illustratur. Mindu ppubblika l-ewwel rumanz tiegħu, Żahra kompla jippubblika l-kotba għat-tfal fl-istess ħin. Fil-fatt kien hu li ppubblika l-ewwel workbooks tat-tfal f’Malta għat-tagħlim tal-Malti. Il-kontribut tiegħu għall-kotba tat-tfal qajla huwa egwaljat minn awturi Maltin oħra, u l-probabbiltà hi li f’kull dar f’Malta u Għawdex issib ktieb għat-tfal minn tiegħu. Skont Oliver Friggieri, Żahra ħoloq dal-ġeneru fil-letteratura Maltija, welldu u rabbieh b’sens qawwi ta’ dmir u kontinwazzjoni li tinfirex fuq medda mdaqqsa ta’ snin. Bħala illustratur Żahra rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2003 għall-aħjar illustratur ta’ kotba tat-tfal bil-ktieb Din l-art u kull ma fiha (Kotba Sagħtar). Huwa wkoll ambaxxatur tal-qari attiv immens. Iżur regolarment skejjel (bħalissa b’mod virtwali) u jitkellem mat-tfal, il-ġenituri u l-għalliema dwar l-importanza tal-qari, u jmexxi seminars dwar is-sengħa tal-kitba.

Bħala kittieb “eklettiku, imżewwaq, sperimentali, kurjuż, li jiskopri terreni ġodda waqt li jissokta dejjem fit-toroq mibdija qabel” (Oliver Friggieri), Żahra għandu sehem importanti għall-iżvilupp tal-ġeneru tan-Novella bil-Malti. Ippubblika disa’ kotba ta’ novelli, bl-aktar wieħed riċenti jkun Sempreviva (Merlin Publishers, 2020) li fih 37 novella li jesploraw is-sehem tal-fjuri f’ħajjitna. Bil-ġabra 365 (Merlin Publishers, 2018) – ktieb ta’ elf paġna b’ġabra ta’ rakkonti, novelli, aneddoti u riflessjonijiet għal kull jum tas-sena – rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2019.

Xi rumanzi u novelli ta’ Żahra nqalbu f’ilsna differenti u ġew ippubblikati barra minn Malta. Fosthom hemm Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa (Merlin Publishers, 2008) li ġie ppubblikat fi Franza minn L’Harmattan, fir-Russja minn Khudozhestvennaya Literatura, u fin-Norveġja minn Pandora Forlag. Le Parfum des œiletts huwa għażla ta’ novelli minn kotba differenti tiegħu, maqlubin għall-Franċiż minn Roland Viard. Sfidi (Merlin Library, 2005) u Vespri (Merlin Publishers, 2015) inqalbu għar-Russu u l-Franċiż, rispettivament.

Żahra kiteb ukoll bosta xogħlijiet għall-palk li tellgħu fit-Teatru Manoel, It-Teatru tal-Università u l-Kavallier ta’ San Ġabku. L-aktar magħrufa huma x’aktarx: Is-Surmast, Minn Wara ż-Żipp u adattament tar-rumanz Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa.

Fl-età ta’ 73 sena Żahra għadu jikteb, u għadu ammirat għall-kreattività tiegħu. Bħalma jinnota l-kritiku letterarju Mario Cassar fil-ktieb riċenti dwar il-kittieb, Bejn Storja u Miti: Trevor Żahra (Horizons, 2020), “Trevor jogħġobni għax il-bir tal-memorja tiegħu hu bla qiegħ.”

Il-ħajja u l-kitba ta’ Trevor Żahra se jiġu ċċelebrati b’avveniment imħejji apposta waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021, li matulu l-pubbliku se jkollu ċ-ċans isir jaf lir-rebbieħ ta’ dal-premju prestiġġjuż aktar mill-qrib.

Tista’ tixtri l-kotba ta’ Trevor Żahra minn https://merlinpublishers.com/author-book/trevor-zahra/?lang=mt


Share Article