Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) bi pjaċir iħabbar l-ingaġġ ta’ żewġ impjegati ġodda fi ħdan it-tim tiegħu: Jasmine Bajada u Teodor Reljić.

Jasmine Bajada se tkun qed tokkupa l-irwol ta’ manager, u fost l-oħrajn se tkun qed taħdem mal-bqija tat-tim fl-organizzazzjoni tal-avvenimenti, il-konkorsi, il-fondi, u l-inizjattivi ewlenin li l-KNK ikollu ta’ kull sena. Bajada studjat l-Ingliż u l-Malti fl-Università ta’ Malta u kisbet Maġisteru fil-letteratura u l-kritika Ingliża. Matul l-aħħar sentejn, ħadmet bħala riċerkatriċi u lettriċi fi ħdan l-istess università. L-esejs kritiċi u r-reċensjonijiet tagħha dehru f’diversi rivisti internazzjonali fosthom Fourth Genre u CounterText. Tikteb ukoll poeżiji bil-Malti u l-aħħar xogħol tagħha ġie ppubblikat f’Modern Poetry in Translation.

Teodor Reljić se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ manager tal-marketing, u fost l-oħrajn se jkun qed jgħin lill-KNK fir-relazzjonijiet pubbliċi u jmexxi l-kampanji tal-marketing tad-diversi avvenimenti, konkorsi, fondi u inizjattivi tal-Kunsill. Reljić ħadem bħala ġurnalist freelance u kittieb tal-kontenut bejn l-2016 u l-2020, u wara serva bħala uffiċjal tal-komunikazzjoni fil-UNHCR Malta sa Awwissu 2023. Stabbilixxa ruħu bħala ġurnalist kulturali ewlieni wara li beda jaħdem mal-ġurnal MaltaToday, fejn serva wkoll bħala kritiku tal-films. Huwa wkoll l-awtur ta’ rumanz, u serje ta’ komiks, kif ukoll kiteb l-iskript ta’ films u films qosra f’Malta.

Il-KNK ħerqan biex jibda jaħdem ma’ dawn iż-żewġ impjegati ġodda, li issa huma parti minn tim li kulma jmur qed jikber sabiex joffri servizz aħjar lill-imsieħba fl-industrija tal-pubblikazzjoni.


Share Article